Thursday, March 28, 2024

L-ANNIMALI FL-AĦBARIJIET

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn ALFRED SANT

Fl-aħħar ġimgħat, kien hemm rapporti ta’ tipi differenti fejn l-annimali kienu minn ta’ quddiem. Klieb jattakkaw u joqtlu anzjana. Klieb jinstabu miżmuma f’gaġeġ f’kondizzjonijiet ħżiena. Fkieren li tgħaffġu fil-bejta taħt ir-ramel hekk kif twieldu. Klieb il-baħar jattakkaw għawwiema fl-Awstralja. Fjamming żagħżugħ maqtul b’tiri. Ninsabu f’nofs il-passa tal-agħsafar lejn l-Afrika. U oħrajn.

Il-mod kif nagħrfu dawn l-istejjer hu mill-perspettiva tagħna l-bnedmin. Biss baqgħet tikber il-fehma li l-annimali daqs il-bnedmin għandhom kull dritt li jkollhom ħajja tajba fuq dil-pjaneta. Ir-realtà hi li l-bniedem għamel l-annimali kollha skjavi tiegħu. Lil uħud minnhom jittrattahom qishom kienu materja prima ta’ fabrika, lil oħrajn iħarriġhom biex jissieħbu miegħu jew jiddevertuh, u lil terġa’ oħrajn iqishom bħala t-target għal ftit sparar.

Mhux ta’ b’xejn li żviluppat kuxjenza favur id-drittijiet tal-annimali, għalkemm mhux kulħadd iqisha b’għajn ħanina.

Biss, aħbar oħra li smajna kienet kif man-nofs tal-ispeċje tal-annimali kollha li jgħixu fid-dinja nqerdu fl-aħħar deċennji b’riżultat tal-attivitajiet tal-bniedem.

MHUX FI STRASBURGU

Il-ġimgħa li għaddiet, kważi fl-aħħar minuta, ittieħdet  id-deċiżjoni li l-laqgħat plenarji tal-Parlament Ewropew ta’ dil-ġimgħa jkunu bbażati fi Brussell minflok Strasburgu. Xorta baqa’ l-arranġament li parti sostanzjali minnhom jinżammu b’mod remot. 

Naturalment Franza ma ħaditx gost għalkemm in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħha esprimietu b’anqas qawwa milli wieħed seta’ stenna. Tqanqal l-argument li jekk in-naħat ta’ Strasburgu qed jitqiesu bħala żona tal-aħmar, fil-qies ta’ kemm il-pandemija tal-corona virus hi attiva, Brussell innifisha wkoll hi ħamra. Hu argument b’saħħtu.

Problema f’dan kollu hi li kull min jersaq lejn iż-żewġ destinazzjonijiet jissogra li meta joħroġ minnhom, ikollu jagħmel il-kwarantina. Dan apparti li min jidhol fihom minn żona oħra ħamra jew “oranġjo” qed jissogra li huma wkoll ipoġġuh fi kwarantina. Fejn jidħlu vjaġġi ta’ spiss bħal tal-parlamentari Ewropej lejn Brussell u Strasburgu, dan l-ixkiel joħloq problemi kbar.

SWIEQ KAPITALI FL-EWROPA

Matul ix-xhur tas-sajf tgħallimt ħafna fuq il-qagħda tas-swieq kapitali fl-Ewropa għax kont għaddej bħala rapporteur għas-soċjalisti fil-PE fuq riżoluzzjoni li tittratta s-suġġett.

Isir ħafna diskors dwar kif fl-Ewropa, is-swieq tal-ishma u ċ-ċedoli ta’ self ma ħadux in-nifs li rebħu fl-Istati Uniti. Il-proġetti ta’ espansjoni u ta’ investiment minn ditti privati jiġu ffinanzjati l-aktar mill-banek mhux minn investituri li jidħlu għal sehem fl-impriża. Fl-Istati Uniti jiġri l-malub ta’ hekk.

M’hemmx raġuni waħda li tispjega dil-biċċa. L-anqas dik li ssib differenza fondamentali fil-kultura ta’ imġiba finanzjarja bejn l-Amerika u l-Ewropa. Veru li d-differenza teżisti. Imma waħidha, ma tispjegax “kollox”. 

Ekonomija

Sport