Manchester United rebħu l-appell kontra l-karta l-ħamra li ngħata Leny Yoro waqt it-telfa ta’ 4-0 kontra Liverpool f’Anfield, bil-Football Association (FA) tikkonferma li s-sospensjoni ta’ partita ġiet revokata.
Id-difensur Franċiż tkeċċa wara biss tmien minuti mill-konfront tal-Premier League tal-Ħadd, meta waqqa’ lill-attakkant ta’ Liverpool, Alexander Isak, hekk kif dan kien qed javvanza lejn il-lasti. Ir-referee Sam Barrott qies li Yoro kien ċaħħad lil Isak minn opportunità ċara ta’ skor u wrieh karta ħamra diretta.
Manchester United ikkontestaw minnufih id-deċiżjoni u ressqu appell għal tkeċċija żbaljata.
Nhar it-Tlieta, l-FA kkonfermat li l-appell intlaqa’, u għalhekk Yoro mhux se jkollu jiskonta s-sospensjoni li kienet ġiet imposta wara t-tkeċċija. Ir-raġunijiet bil-miktub tad-deċiżjoni mistennija jiġu ppubblikati aktar tard.
L-inċident kellu konsegwenzi immedjati għall-United, hekk kif Liverpool skorjaw mill-freekick li ngħata wara t-tkeċċija, permezz ta’ Dominik Szoboszlai.
Il-coach tar-Red Devils kien esprima d-diżappunt tiegħu wara l-partita, fejn sostna li Isak ma kienx ikkontrolla tajjeb il-ballun u li dan kien qed jersaq lejn il-goalkeeper Senne Lammens, li seta’ jilħqu qabel l-attakkant Svediż.
Id-deċiżjoni li titneħħa l-karta l-ħamra hija aħbar pożittiva għal Manchester United, hekk kif Yoro issa se jkun disponibbli għall-impenji li jmiss tat-team.




