L-Arċisqof Scicluna jżur pazjenti Maltin f’Londra

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles Scicluna għamel iż-żjara pastorali annwali tiegħu lill-pazjenti Maltin li jinsabu fir-Renju Unit biex jirċievu kura medika, fejn iltaqa’ magħhom u mal-familjari tagħhom u wasslilhom messaġġ ta’ kuraġġ, wens u tama f’mumenti diffiċli għalihom.

Matul iż-żjara, l-Arċisqof iċċelebra quddiesa mal-pazjenti u l-qraba tagħhom, li matulha rrifletta dwar il-valur tal-ħajja u l-importanza li wieħed jagħraf is-sbuħija tagħha anke fl-aktar ċirkostanzi diffiċli.

Fl-omelija tiegħu, Mons. Scicluna qal li l-esperjenzi ta’ tbatija u inċertezza “jiftħulek għajnejk u qalbek biex tara r-realtà kif inhi”, u jfakkruna kemm il-ħajja hija prezzjuża. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jgħożżu kull ġurnata u jagħtu valur lil kull ġest ta’ mħabba, kura u solidarjetà.

L-Arċisqof esprima wkoll il-gratitudni tiegħu lejn il-komunitajiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu bla heda biex jgħinu lill-pazjenti Maltin u lill-familji tagħhom matul iż-żmien li jqattgħu fir-Renju Unit. Fost dawk li rringrazzja kien hemm il-patrijiet Franġiskani Konventwali, is-sorijiet Agostinjani u dawk Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, kif ukoll diversi NGOs u benefatturi li joffru għajnuna u sostenn.

Fi tmiem iż-żjara, l-Arċisqof irringrazzja wkoll lill-Kummissarju Għoli Malti fir-Renju Unit, il-Prof. Stephen Montefort, li akkumpanjah matul iż-żjara pastorali u li jagħti l-għajnuna tiegħu lill-Maltin li jkunu qed jirċievu kura medika fir-Renju Unit.

Din iż-żjara annwali tkompli tenfasizza l-importanza tal-preżenza, il-kumpanija u s-solidarjetà mal-pazjenti Maltin li jkollhom jitbiegħdu minn pajjiżhom biex jirċievu l-kura meħtieġa, kif ukoll mal-familji li jkunu qed jgħaddu minn din l-esperjenza magħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport