Friday, April 26, 2024

L-armata Ukrena tieħu kontroll ta’ żona importanti qrib ix-Xmara Oskil

Aqra wkoll

Il-forzi Ukreni qalu li reġgħu ħadu l-kontroll ta’ żona fil-Lvant tax-Xmara Oskil, żona li hija waħda kruċjali fl-offensiva kontra t-truppi Russi fil-Grigal tal-Ukrajna. 

Fil-preżent, l-armata Russa kważi ġiet imbuttata ’l barra kompletament mir-reġjun ta’ Kharkiv, u mexxej reġjonali Ukren qal li issa l-mira hija fuq Luhansk. Min-naħa tiegħu l-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-offensiva li jmiss qiegħda tiġi ppreparata. 

Intant, fl-aħħar sigħat kien hemm allegazzjonijiet li r-Russja pprovat tattakka impjant nukleari. L-operatur tal-impjant nukleari Energoatom qal li rokit Russu laqat 300 metru biss bogħod mir-reatturi nukleari tal-impjant li jinsab ġewwa Mykolayiv li huwa t-tieni l-ikbar fil-pajjiż. Sakemm morna għall-istampa dan l-attakk ma kienx ikkonfermat b’mod indipendenti, iżda l-kumpanija pprovdiet filmati ta’ isplużjoni qrib l-impjant. 

Din mhix l-ewwel darba li impjanti nukleari ġewwa l-Ukrajna spiċċaw taħt theddida f’din il-gwerra, hekk kif l-ikbar impjant – dak ta’ Zaporizhzhia – repetutament spiċċa fil-qalba ta’ dan il-kunflitt tant li n-Nazzjonijiet Uniti ħeġġet biex din iż-żona tkun waħda protetta. L-Ukrajna u r-Russja qed iwaħħlu f’xulxin għal dak li qed jiġri f’Zaporizhzhia. 

Fid-dawl tal-offensiva effettiva li qiegħda tagħmel l-Ukrajna fil-gwerra kontra r-Russja, il-President Amerikan Joe Biden meta kien qiegħed jitkellem fuq US TV qal li l-Ukrajna qiegħda tħallas prezz kbir f’din il-gwerra iżda saħaq li jidher li r-Russja “jidher li mhix kompetenti u kapaċi daqskemm ħafna nies ħasbu li hi.”

Sport