Saturday, December 21, 2024

L-attiviżmu taż-żgħażagħ ikompli jixpruna tiġdid – il-Prim Ministru Robert Abela jżur Freshers’ Week fl-Università ta’ Malta

Aqra wkoll

Meta ltaqa’ mal-istudenti u l-għaqdiet studenteski fl-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq waqt Freshers’ Week, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-attiviżmu taż-żgħażagħ huwa importanti biex inkomplu nġeddu lil pajjiżna u nġibu bidliet pożittivi.

Meta l-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, ir-Riżorsi u l-Innovazzjoni Clifton Grima kienu qed jiltaqgħu mal-istudenti fosthom fuq l-istands armati tal-għaqdiet, il-Prim Ministru tkellem mal-istudenti dwar il-ħsibijiet favur pajjiż li jkompli joffri futur sabiħ b’karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ u għall-familji tagħhom.

Il-Prim Ministru spjega li l-Gvern se jkompli jinvesti fl-istudenti u jagħti direzzjoni biex aktar studenti jistudjaw f’korsijiet għal setturi innovattivi biex iż-żgħażagħ jibqgħu jaħtfu l-aqwa opportunitajiet li qed jinħolqu f’pajjiżna fosthom green jobs li jagħtu valur miżjud fl-ekonomija.

Hawn semma wkoll iż-żidiet fl-istipendji u t-tisħiħ addizzjonali għal dawk l-istudenti li jistudjaw f’korsijiet partikolari.

Dr Abela nnota wkoll li l-attiviżmu taż-żgħażagħ ikompli jimbotta ħsieb kritiku li hu importanti u rrimarka li rebħet ir-raġuni waqt Freshers’ Week fl-Università biex b’hekk l-opinjonijiet espressi b’rispett minn kulħadd, irrispettivament mis-suġġett, ma jkunux maħnuqa.

Il-Prim Ministru Robert Abela awgura lill-istudenti kollha għal sena oħra mimlija impenn u affarijiet pożittivi fil-vjaġġ edukattiv tagħhom filwaqt li rringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha fl-Università, fosthom l-akkademiċi.

Fl-Università għadha kemm bdiet sena akkademika ġdida li laqgħet 5,000 student ġdid fejn mat-terz minnhom qed jagħmlu kors f’livell ta’ postgraduate.

Dan fl-istess waqt li sar investiment fir-riżors uman tal-Università permezz ta’ ftehim kollettiv iffirmat favur kundizzjonijiet ta’ xogħol imtejba għall-ħaddiema tal-amministrazzjoni, tekniċi u industrijali tal-Università ta’ Malta.

Ekonomija

Sport