Friday, May 3, 2024

L-Avukat tal-Istat ikkundannat iħallas kważi €280,000

….proprjetarji suppost daħħlu €340,000 f’kirjiet u spiċċat b’€6,000

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-proprjetarji ta’ maħżen kbir magħruf bħala “Tokyo Garage” fi Triq il-Kanun, Santa Venera, li skont stimili li saru suppost daħħlu €340,000 f’kirjiet, spiċċaw ħadu biss €6,000 f’kirjiet u dan għax il-maħżen kien mikri bi ħlas ta’ Lm80  u l-kirja kienet protetta bil-liġi. Wara battalja legali, is-sidien ġew dikjarati li kienu mċaħħdin milli jgawdu l-proprjetà tagħhom u jieħdu qliegħ xieraq minnha. Il-Qorti ordnat lill-Avukat tal-Istat biex iħallas €280,000 f’kumpens. 

Il-proprjetarji iddikjaraw li kienu wirtu l-maħżen minghand il-ġenituri tagħhom, liema maħżen illum hu mikri lil Alf. Mizzi & Sons Limited.  Inntal li l-maħżen kien inkera għexieren ta’ snin ilu bil-kera ta’ (dak iż-żmien) ta’ Lm80  fis-sena u wara d-dħul fis-seħħ tal-Att X tas-senaa 2009 il-kera bdiet tiżdied skont id-dispozizzjonijiet tal-imsemmija ligi u l-kera li qed titħallas fil-prezent hi €487.15 fis-sena, pagabbli kull sena bil-quddiem. 

Il-proprjetarji iddikjaraw li minkejja d-dispozizzjonijiet tal-imsemmi Att X tal-2009, il-kera li titħallas minn Alf. Mizzi & Sons Ltd  hi waħda verament irriżorja meta mqabbel mal-kera li dan il-maħżen kien iġib fis-suq liberu. 

 Il-maħżen huwa wieħed kbir, mibni fuq diversi filati ta’ għoli b’mod illi jistgħu jidħlu ġo fih anke inġenji kbar u jinsab f’żona kummerċjali tajba ħafna fejn l-imħażen kbar huma mfittxija. 

Il-proprjetarji iddikjaraw li ġew u qed jiġu mċaħħdin mit-tgawdija libera ta’ ħwejjiġhom u mid-dritt li jirċievu kumpens adegwat mingħand Alf. Mizzi & Sons. Ltd għat-tgawdija ta’ ħwejjiġhom, u sakemm tibqa’ fis-seħħ l-Ordinanza li Tirregola t-Tiġdid tal-Kiri ta’ Bini, huma ma jistgħux jirrealizzaw l-introjtu realizzat u perċepit minn sidien oħra ta’ mħażen li krew l-imħażen taħhhom wara l-1 ta’ Ġunju tas-sena 1995. 

Qalu ukoll li ma jistgħux jieħdu lura l-pussess ta’ dan il-maħżen proprjetà tagħhom sakemm iddum fis-seħħ l- Ordinanza msemmija, ħlief jekk Alf. Mizzi & Sons. Ltd  tikser xi obbligu li jesponiha għat-teħid tal-maħżen mis-sid skond l-artikolu 9(a) tal-istess Ordinanza, jew inkella wara Mejju 2028. 

Il-Qorti qalet li  bl-introduzzjoni tal-Att X tal-2009 u bl- emendi sussegwenti il-kera telgħet grawdalment minn Lm80 fis- sena għal €487.15 li huwa l-quantum li kienet qed tħallas il-kumpanija sakemm inbdew il-proċeduri. Fil-fatt, mill-atti jirriżulta li l-proprjetarji waqfu jaċċettaw il-kera fil-25 t’Awwissu tas-sena 2021 imbagħad fit-30 ta’ Settembru 2021 il-kumpanija rritornat iċ-ċwievet tal-proprjetà u f’dan ir-rigward ġie ffirmat att privat dwar it-terminazzjoni tal-kirja b’effett mit- 30 ta’ Settembru 2021. 

Il-Qorti qalet li għalkemm f’dan il-każ mhux magħruf minn meta bdiet tiddekorri l-kirja, jirriżulta li din il-kirja ilha għaddejja għexieren ta’ snin u l-kirja hija waħda protetta bil-liġi. Fi ftit kliem dan ifisser li l-proprjetarji kienu marbuta bil-liġi illi jkomplu jġeddu l-kirja fit-termini ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 69 tal-Liġijiet ta’ Malta. Fil-fatt il-liġi tgħid li “Sid il-kera ta’ xi fond ma jistax, meta jagħlaq iż-żmien tal- kiri (sew jekk dan iż-żmien ikun skont il-ftehim, legali, skont l-użu jew imnissel mid-disposizzjonijiet ta’ din l-Ordinanza), jirrifjuta li jġedded il-kiri jew li jgħolli l-kera jew li jagħmel kondizzjonijiet ġodda għat-tiġdid tal-kiri mingħajr il-permess tal-Bord.” 

Il-Qorti tgħid li Skont il-perit tekniku, l-proprjetà kienet tiswa €366,250 fis-sena 2021 filwaqt illi l-valur lokatizju tagħha fl-istess sena kien ta’ €20,143.75 fis-sena. IL-Qorti tgħid ukol li l-ewwel artikolu tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea jipprovdi li kulħadd għandu d-dritt għat-tgawdija paċifika tal- proprjetà tiegħu u ħadd ma għandu jiġi pprivat mill- possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku.

Tgħid li l-ewwel artikolu tal-Ewwel Protokoll tal- Konvenzjoni huwa mibni fuq tlett principji: dak li għandu jkun hemm it-tgawdija paċifika tal-proprjetà; li l-privazzjoni minn possedimenti hija soġġetta għall-kondizzjonijiet; u li l-Istat għandu l-jedd illi jikkontrolla l-użu tal-proprjetà skont l-interess ġenerali.

Qalet li “din il-Qorti għandha quddiemha kemm tiswa l-proprjetà, kemm hu l-valur lokatizzju tagħha u kemm kienet qed titħallas kera mill-inkwilin. Meta wieħed iqabbel il-valur lokatizzju tal-proprjetà mal-kera attwali li r-rikorrenti kellhom dritt jipperċepixxu taħt l-effetti tal-Att XXIII, wieħed isib li hemm sproporzjon qawwi bejn qagħda u oħra. Dak li huma suppost kienu iddaħħlu kull xahar, il-proprjetarji lanqas kienu qed iddaħluh kull sena. Meħud in konsiderazzjoni wkoll illi r-rapport tekniku fih element inevitabbli ta’ soggettività, li mhux bilfors l-proprjetarji kienu ser issibu jikri b’kemm qal il-perit tekniku, u illi meta tqis l-iskop soċjali l-kera ma jkunx bilfors daqs il-kera fis- suq ħieles, xorta jkollok tgħid li hemm diskrepanza kbira bejn kera xierqa u l-kera li jirċievu r-rikorrenti. Ir-rapport tal-perit juri illi din id-diskrepanza kompliet tikber aktar ma għaddew is-snin.”

Il-Qorti kkonkludiet li l-proprjetarji ġarrbu ksur tal-jedd tagħhom għat-tgawdija ta’ ħwejjiġhom, kif imħares taħt l-ewwel artikolu tal-1 Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea. 

Fil-fehma tal-Qorti, “fil-każ preżenti d-dikjarazzjoni ta’ vjolazzjoni waħedha ma tkunx biżżejjed imma l-Qorti għandha tagħti kumpens pekunjarju għal dik il-vjolazzjoni. Skont l-istima magħmula mill-perit tekniku, is-sidien setgħu potenzjalment qalgħu madwar €338,740 f’kirjiet mill-1987 sal- 2021. Fil-verità daħħlu biss is-somma ta’ €5,927.27 matul l-imsemmi perjodu ta’ żmien. Id-diskrepanza bejn l-ammont li rċevew ir-rikorrenti u l-ammont li potenzjalment setgħu jirċievu hija waħda lampanti ammontanti għal xejn inqas minn €332,812.

I-Qorti ddeċidiet li s-somma ta’ €267,672 għandha titħallas lill-proprjetarji bħala kumpens pekunjarju. Il-Qorti tqis ukoll illi tenut kont tal-fatti tal-każ, li l-proprjetarji għandhom jirċievu wkoll is-somma ta’ €5,000 bħala kumpens non-pekunjarju. 

Sport