Monday, May 6, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa ma’ Mexxejja Ewropej fil-Kroazja

Aqra wkoll

Matul il-jum tal-Ħamis, fil-Kroazja,  il-Prim Ministru Robert Abela, fuq stedina tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, attenda għal-laqgħa flimkien ma’ Mexxejja Ewropej, bi tħejjija għall-Aġenda Strateġika l-ġdida tal-Unjoni Ewropea li se tkopri s-snin 2024-2029.

Waqt il-laqgħa, l-Prim Ministru Robert Abela semma wħud mill-prijoritajiet għas-snin li ġejjin li huma ta’ importanza għal pajjiżna, li għandhom jiġu kkunsidrati fl-istrateġija l-ġdida. Fosthom semma s-Suq Uniku, l-aċċess għall-mediċini, il-konnettività u l-Mediterran.

Il-Prim Ministru tenna li fir-rigward tas-Suq Uniku għad hemm ċirkostanzi fejn ċerti pajjiżi bħal Malta jibqgħu żvantaġġjati, fosthom fejn jidħol l-aċċess għall-mediċini u l-konnettività. Saħaq li qabel tiġi introdotta leġislazzjoni f’dan ir-rigward, għandhom isiru impact assessments li jieħdu inkunsiderazzjoni r-realtajiet tal-Istati Membri kollha, inkluż ta’ Malta.

Dr Abela saħaq li għalkemm pajjiżna qed ikompli jġib mediċini ta’ kwalità bi prezz affordabbli, l-Unjoni Ewropea għandha tindirizza l-isfida tal-aċċess għall-mediċini sabiex tassew ikollna Suq Uniku għall-Farmaċewtika.

Il-Prim Ministru semma wkoll li Malta tiddependi fuq it-trasport marittimu u l-avjazzjoni bħala konnettività mal-bqija tal-Ewropa. Enfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tara x’azzjonijiet qed jieħdu l-Viċinat tan-Nofsinhar fir-rigward ta’ setturi li huma kruċjali għall-konnettività tagħna, sabiex flimkien inkomplu nikkumbattu t-tibdil fil-klima.

Dwar ir-reġjun tal-Mediterran, il-Prim Ministru saħaq li dan ir-reġjun għandu ħafna potenzjal u għandu jingħata l-importanza li jistħoqqlu. Għaldaqstant issuġġerixxa li għandu jkun hemm Kummissarju Ewropew għall-Mediterran.   

Dr Abela temm billi awgura li l-konklużjonijiet minn din il-laqgħa jwasslu biex titħejja direzzjoni strateġika li tkun msejsa fuq ir-realtà, li tkun ambizzjuża u li tipprovdi ċarezza liċ-ċittadini, fl-isfond tal-ħafna sfidi multidimensjonali li qed nesperjenzaw.

Waqt il-laqgħa, il-Mexxejja Ewropej tkellmu wkoll fuq sitwazzjonijiet kurrenti, fosthom il-kunflitt tal-Lvant Nofsani. Issemma kif fil-ġranet li għaddew fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għaddiet riżoluzzjoni mfassla minn Malta li se twassal għal iżjed għajnuna umanitarja f’Gaża. Il-Prim Ministru Abela saħaq li Malta se tibqa’ twassal vuċi b’saħħitha favur il-paċi.

Fil-Kroazja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru Kroat Andrej Plenković, fejn komplew jibnu fuq id-diskussjoni tal-laqgħa bilaterali li kellhom f’Malta, f’Settembru li għadha.

Sport