Monday, May 13, 2024

David Cameron bl-ewwel żjara tiegħu fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Is-Segretarju l-ġdid għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Lord David Cameron, ma tilifx żmien biex jinvolvu ruħu fir-relazzjonijiet internazzjonali. Ftit jiem biss wara li nħatar, huwa għamel l-ewwel żjara ta’ ħidma tiegħu fl-Ukrajna, waqt li ltaqa’ mal-President Volodymyr Zelensky fi Kyiv.

David Cameron sar segretarju għall-affarijiet barranin f’taqliba drammatika fil-kabinett li l-Prim Ministru Rishi Sunak għamel nhar it-Tnejn li għadda.

Il-President Ukren Zelensky feraħ lil Cameron għall-ħatra l-ġdida tiegħu u rringrazzjah talli għamel l-ewwel żjara ta’ ħidma tiegħu f’Kiev fil-pożizzjoni l-ġdida tiegħu.

Fi kliem Zelkensky, li għamel referenza għal dak li qed iseħħ Lvant Nofsani, iż-żjara ta’ Cameron hija importanti ħafna, speċjalment issa, meta d-dinja qed tħares u tagħti attenzjoni  lis-sitwazzjoni fuq il-kamp tal-battalja fl-Ukrajna. 

Il-Presisdent Ukren stqarr il-gratitudni tiegħu għall-appoġġ bla waqfien tar-Renju Unit lill-Ukrajna. 

Zelensky poġġa wkoll clip qasira tal-laqgħa fuq il-midja soċjali, li matulha Lord Cameron jinstema’ jgħid li hu ried li l-Ukrajna tkun l-ewwel żjara tiegħu bħala segretarju għall-affarijiet barranin.

Min-naħa tiegħu, Cameron fisser iż-żjara tiegħu f’Kiev bħala turija li r-Renju Unit se jkomplu jagħti l-appoġġ morali, l-appoġġ diplomatiku u l-appoġġ ekonomiku u fuq kollox l-appoġġ militari li l-Ukrajna għandha bżonn mhux biss din is-sena u s-sena d-dieħla iżda kemm hemm bżonn. Fil-laqgħa ta’ bejniethom, Cameron u Zelensky ddiskutew ukoll l-armi, il-produzzjoni tal-armi, u s-sigurtà fil-Baħar l-Iswed.

Iż-żjara ta’ Lord Cameron qed issir ftit jiem biss wara li l-Ukrajna iffaċċjat attakk bil-missili Russi għall-ewwel darba fi kważi xahrejn. F’dan l-attakk ma kien hemm l-ebda vittmi.

Il-kariga l-ġdida ta’ Cameron timmarka r-ritorn tiegħu fil-kabinett għall-ewwel darba f’aktar minn seba’ snin. Huwa ħa post James Cleverly, li ġie mċaqlaq biex ikun segretarju tal-intern minflok Suella Braverman li tkeċċit mill-kabinett ta’ Rishi Sunak nhar it-Tnejn.

Ma setax jonqos li jkun hemm xi kontroversja dwar ir-ritorn ta’ Cameron fuq il-bank ta’ quddiem. Peress li ma kienx deputat elett ġie mogħti l-istatus ta’ Lord biex ikollu preżenza fil-House of Lords aktar milli fil-House of Commons.

Il-partiti tal-Oppożizzjoni, u l-Ispeaker Sir Lindsay Hoyle qajmu tħassib serju dwar kif il-Membri Parlamentari se jkunu jistgħu jżommu akkont lil Lord Cameron, peress li mhux se jkun fil-House of Commons biex iwieġeb mistoqsijiet waqt is-sessjonijiet regolari ta’ skrutinju dipartimentali.

Minflok, dawk il-mistoqsijiet se jitressqu lill-ministri taħtu fl-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin. Mhux rari li d-deputati jwieġbu huma għalkemm dan normalment iseħħ jekk is-segretarju  jkun fuq żjarat diplomatiċi barra l-pajjiż.

Sport