Wednesday, March 27, 2024

L-Avukati ta’ Fenech b’jumejn ċans biex jelenkaw kwalunkwe xhieda oħra fil-kawża kontra l-Ispettur Arnaud

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Imħallef Lawrence Mintoff ta jumejn ċans lill-avukati ta’ Yorgen Fenech biex jelenkaw kwalunkwe evidenza oħra li jixtiequ jressqu fil-kawża kostituzzjonali li l-istess Fenech fetaħ biex l-Ispettur Keith Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-imsemmi qtil, irid li l-Ispettur Arnaud jitneħħa mill-każ minħabba li skontu “kien qed jgħaddi informazzjoni lil Keith Schembri”, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. 

F’Marzu li għadda, l-Qorti kienet aġġornat il-każ u ffissat id-data tat-23 ta’ Settembru għas-sentenza. Iżda x-xhieda mogħtija fix-xhur ta’ wara fil-każ kontra Fenech wassal lill-Imħallef Mintoff biex jerġa’ jsejjaħ lill-partijiet tliet ġimgħat qabel dik id-data.

“Ix-xhieda mogħtija f’każi oħra kienet “l-iktar relevanti” għal dan,” qal l-Imħallef Mintoff waqt li nnota li “m’aħniex ngħixu f’vacuum.”

L-Imħallef sema’ lill-avukati ta’ Fenech jargumentaw li x-xhieda mogħtija matul is-sajf mit-tabib Adrian Vella, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u oħrajn għandhom jiġu inkluż fil-kawża li fetaħ Fenech biex Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni.

“Kif tista’ l-Qorti tasal għal deċiżjoni mingħajr ma tieħu nota ta’ dawn l-iżviluppi?”, qalet l-Avukat Marion Camilleri li qed tassisti lil Fenech.

L-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg irribattiet billi qalet li dan il-każ huwa ffokat fuq Arnaud u li kien inutli li tingħata ħafna informazzjoni li hija rrilevanti fil-każ.

Wara li sema’ liż-żewġ partijiet, l-Imħallef Mintoff ta lill-Avukat ta’ Fenech jumejn ċans biex jippreżentaw lista bl-evidenza li jridu jiġu inklużi fil-każ u jumejn oħra biex twieġeb l-Avukat tal-Istat.

Il-każ ikompli fid-9 ta’ Settembru. 

Ekonomija

Sport