Thursday, November 14, 2024

L-AVVANZI FIL-QASAM TAD-DRITTIJIET ĊIVILI

Aqra wkoll

Is-Sibt li ġej, Għawdex se jilbes il-kuluri tal-qawsalla biex jiċċelebra t-tielet Pride March tiegħu, biċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena tkun waħda partikolari hekk kif qed jiġi mfakkar ukoll l-20 sena ta’ Pride ġewwa Malta. Din iċ-ċelebrazzjoni hija waħda importanti ħafna għall-komunità LGBTQIA+, billi se jkunu qed jiġu mfakkra wkoll l-avvanzi li saru f’pajjiżna fil-qasam tad-drittijiet ċivili.

Irridu qabel xejn ngħidu li pajjiżna huwa ewlieni f’dan il-qasam, b’diversi riformi li ġew introdotti f’dawn l-aħħar snin mill-Gvern Laburista. Ma nistgħux niċħdu li xi wħud minn dawn ir-riformi lanqas biss kienu f’moħħ is-soċjetà. Fost dawn hemm iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u anke l-fatt li dawn ngħataw id-dritt li dawn jadottaw lit-tfal.

Minkejja li saru dawn il-passi kbar ‘il quddiem fl-għoti tad-drittijiet, nisħqu li pajjiżna għadu ma laħaqx il-quċċata ta’ fejn irid jasal f’dawn l-istess drittijiet. Dan għaliex ninnutaw li fil-midja soċjali għadhom jinkitbu messaġġi u jingħad kliem ta’ mibegħda fil-konfront ta’ dawn il-persuni.

Fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu li wieħed għandu joqgħod attent x’jikteb jew jikkummenta fuq il-midja soċjali. Dan għaliex persuna ma tafx kif teħodha u wisq aktar il-komunità li tista’ tappartjeni fiha. Irridu għalhekk naħsbu f’għajrna u nkunu ta’ għajnuna għall-oħrajn u mhux niġġudikaw. 

Malta dejjem tissemma’ għall-ħidma ma taqta’ xejn f’dan l-ambitu. Saħansitra wasalna biex Maltija – Helena Dalli – intgħażlet biex tkun l-ewwel Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ugwaljanza. Il-ħidma tkompli għax minkejja dan il-progress kollu li sar, għad fadal lok għal aktar titjib. 

Dan huwa pajjiż li verament jemmen fl-inklussività, jilqa’ lil kulħadd fi ħdanu bla ebda biża’ ta’ riperkussjonijiet. Dawn il-persuni ma jistgħux jitħallew fid-dell ta’ dak li jkun qed iseħħ fis-soċjetà fil-mixja tagħha lejn il-moderniżmu. Għalhekk inħarsu ‘l quddiem għal aktar riformi bil-għan li tkompli l-mixja favur aktar ugwaljanza u drittijiet, inkluż lil din il-komunità.

Ekonomija

Sport