Thursday, December 26, 2024

L-Awtorità tal-Artijiet tgħaddi spazju rikreattiv lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija

Aqra wkoll

Ġnien fil-qalba ta’ Ħal Lija se jgħaddi formalment għand il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija sabiex ikun taħt ir-responsabbiltà tal-istess Kunsill.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt żjara fuq il-post, li matulha ġie ffirmat il-ftehim tad-devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim, hekk kif l-Awtorità tal-Artijiet qed tgħaddi spazju miftuħ ieħor. “Ilkoll nafu kemm spazji miftuħa ta’ dan il-kobor huma limitati fiċ-ċokon ta’ pajjiżna u għalhekk nemmen li l-Awtorità tal-Artijiet qed twettaq biċċa xogħol tajba sabiex jiġu identifikati aktar spazji u binjiet pubbliċi li jistgħu jiġu utilizzati mill-Kunsilli Lokali rispettivi,” qal il-Ministru.

Permezz ta’ dan il-ftehim, issa l-ġnien se jkun jista’ jsirlu manutenzjoni aħjar u jibda jintuża aktar għal diversi attivitajiet għar-residenti. “Bħala Gvern ninsabu kommessi li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u għalhekk spazju bħal dan se jkun ta’ kontribut kbir għal din il-lokalità,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li permezz ta’ din id-devoluzzjoni, il-Gvern se jkun qed jgħaddi ġnien ta’ kważi erbat elef metru kwadru lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija.

“Bħala Gvern qed inkomplu naraw li nagħtu lill-pubbliku aktar spazji miftuħa li jkunu miżmuma sew, u allura dan huwa l-iskop ewlieni li dan il-ġnien jgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali, hekk kif il-Kunsill jaf sew il-ħtiġijiet tal-lokalità. Apparti l-ġnien, il-Kunsill se jkollu f’idejh l-outdoor gym u anke l-bandli,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Sindku ta’ Ħal Lija Anthony Dalli qal li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali se jkompli jieħu ħsieb dan il-ġnien sabiex in-nies ta’ Ħal Lija u dawk li jżuru din il-lokalità jkollhom post ċentrali ta’ rikreazzjoni.

Ekonomija

Sport