Monday, April 29, 2024

L-ebda każ pożittiv matul dawn l-aħħar 24 siegħa; Il-każi attivi jinżlu mill-ġdid taħt il-mija

Aqra wkoll

Matul l-aħħar 24 siegħa li għaddew ma nstabu l-ebda każi ġodda ta’ persuni infettati bil-Covid-19. Qalet dan is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika charmaine Gauci fil-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat aġġornament ukoll dwar il-każi ġodda li kienu rreġistrati nhar l-Erbgħa li għadda.

Il-Professur Gauci għamlet referenza għat-tmien vittma tal-Covid-19 f’pajjiżna, u qalet li r-raġel kien irriżulta pożittiv fis-16 ta’ Mejju li għadda u kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei. Hija qalet li r-raġel kellu kundizzjonijiet mediċi oħrajn li aggravawlu s-sitwazzjoni tiegħu.

Intant il-Professur Gauci qalet li matul dawn l-aħħar 24 siegħa kien hemm 13-il persuna oħrajn li fiequ mill-virus. Dan ifisser li fuq medda ta’ jumejn, il-pazjenti li rkupraw mill-virus jammontaw għal 23. B’hekk it-total kumplessiv ta’ persuni li fiequ jammonta għal 514.

Il-Professur Gauci qalet li dan wassal biex in-numru ta’ każi attivi jerġa’ jinżel taħt il-mija, għal 94 każ.

L-erba’ każi li rriżultaw pożittivi nhar l-Erbgħa:

  • Mara Maltija ta’ 33 sena li r-raġel tagħha kien diġà pożittiv għall-Covid-19. Hija kienet tinsab diġà fi kwarantina u żviluppat sintomi fis-26 ta’ Mejju.
  • Żewġ nisa ta’ nazzjonalità Indjana ta’ 33 u 32 sena rispettivament li jaħdmu bħala carers fl-Isptar Karin Grech. Huma kienu ġew f’kuntatt ma’ żewġ carers oħrajn li kienu rriżultaw pożittivi hekk kif kienu jgħixu fl-istess residenza. Il-mara ta’ 33 sena ma kellha l-ebda sintomi iżda rriżultat pożittiva mit-testijiet sussegwenti li saru mill-awtoritajiet tas-saħħa, filwaqt li l-mara ta’ 32 sena żviluppat sintomi fis-26 ta’ Mejju.
  • Ir-raba’ każ huwa wieħed sporadiku u jikkonċerna lil mara Maltija ta’ 53 sena li żviluppat sintomi fl-20 ta’ Mejju. Hija nżammet id-dar bl-awtoritajiet tas-saħħa jsegwu s-sintomi u l-kura tagħha.

Sport