Sunday, December 22, 2024

L-ebda lment għand id-DIER fl-ewwel tliet xhur tar-riforma għall-ħaddiema tal-pjattaforma

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minkejja li għad fadal xi abbużi fis-settur tal-ħaddiema tal-pjattaformi, madankollu d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) sa issa ma rċieva l-ebda ilmenti dwar l-abbużi. Dan ifisser li r-riforma li ddaħħlet tliet xhur ilu għal dawn il-ħaddiema bdiet tagħti riżultati. 

Dan sar magħruf waqt business breakfast dwar il-ġejjieni tax-xogħol, li kien indirizzat mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Djalogu Soċjali Andy Ellul li semma kif il-Gvern ħadem fuq riforma ħolistika biex dawn il-ħaddiema, b’mod partikolari dawk li jwasslu l-ikel fid-djar, ikunu regolati b’liġi.

“Bħala Gvern studjajna s-settur u rriżulta li kien hemm diversi nuqqasijiet u abbużi. Kien hemm sitwazzjonijiet ta’ ħaddiema bla kuntratti u nies li għandhom kuntratt li jgħid mod iżda wara jiġi applikat mod ieħor. Ħaddiema li ma jingħatawx ħlas għall-overtime li jagħmlu,” qal is-Segretarju Parlamentari Ellul. 

Huwa kompla jgħid li: “rregolajna dan is-settur b’liġi. Din daħlet fis-seħħ mingħajr intoppi u issa ilha tliet xhur. Sal-lum id-DIER ma daħlulhiex ilmenti. Kien hemm rapport fuq il-midja fejn saret investigazzjonijiet li għad hemm ċertu abbużi. Jiena ngħid li tagħmel x’tagħmel qatt mhu se ssolvi l-problemi kollha u sfortunatament xi abbużi se jibqa’ jkun hemm.”

Sadanittant, f’kumment li ta lil Talk.mt, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-unjin insistiet biex il-ħaddiema tal-pjattaformi jingħataw l-istess kundizzjonijiet bħalma għandhom ħaddiema oħra. Qal li llum il-ġurnata dawn il-ħaddiema għandhom liġi li tipproteġihom. 

Konxju tal-fatt li għad hemm xi każijiet ta’ abbużi, Bugeja qal li kien għalhekk li bħala GWU nsistew fuq il-ħtieġa li kull ħaddiem ikun membru ta’ trejdunjin tal-għażla tiegħu. “F’dan is-settur li huwa wieħed relattivament ġdid, konna pro-attivi biex irregolarizzajnieh qabel irregolarizzatu l-istess Unjoni Ewropea li għadha qed tiddiskuti l-liġi. Il-punt tat-tluq huwa li dawn irid ikollhom il-kundizzjonijiet kollha bħall-ħaddiema l-oħrajn kollha.”

Ekonomija

Sport