F’Paphos f’Ċipru fejn il-Prim Ministru Robert Abela kien qed jipparteċipa f’Summit tal-MED9 għall-Mexxejja ta’ Stati Membri fil-Mediterran flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea u r-Re tal-Ġordan, huwa saħaq li quddiem sfidi ġeo-politiċi fir-reġjun tal-Mediterran neħtieġu ferm iżjed mis-serħan fuq l-istatus quo. F’konferenza tal-aħbarijiet wara diskussjonijiet fosthom ma’ Mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru rrimarka għal dak li qed iseħħ fil-Mediterran bit-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani u l-importanza tas-sigurtà u l-paċi.
Il-Prim Ministru Malti tenna s-sejħa ta’ pajjiżna għall-waqfien immedjat mill-ġlied fil-Libanu u f’Gaża. Huwa sostna li Malta taqbel li l-Unjoni Ewropea tappoġġja bi sħiħ lill-Ġordan, hekk kif dan il-pajjiż qed joffri kenn lil numru ta’ refuġjati li telqu mill-pajjiżi li fihom għaddej il-ġlied. Fisser lill-Ġordan bħala sieħeb strateġiku li hu importanti f’dan ir-reġjun biex tinġieb l-istabbiltà tant meħtieġa.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar temi differenti oħra fosthom il-prijoritajiet tal-Mediterran u l-immigrazzjoni. “Illum iltqajna lkoll flimkien bħala Stati Membri Ewropej fil-Mediterran biex naħdmu fuq l-isfidi komuni tagħna. Il-bżonnijiet tal-istati tal-Mediterran huma distinti u differenti minn stati membri oħra u b’Kummissarju Ewropew ġdid għall-Mediterran, il-perspettiva Mediterranja se tinstema’ aktar minn qatt qabel u se tkompli twassal għal deċiżjonijiet favur iċ-ċittadini tagħna”, fisser il-Prim Ministru fis-Summit f’Ċipru.
Dwar l-immigrazzjoni, il-pajjiżi tal-MED9 qabblu li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tgħin lill-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq biex jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi indirizzata din l-isfida. Hawnhekk il-Prim Ministru enfasizza li l-Libja għandha tkun parti integrali f’dan kollu. Qal li l-Libja hi sieħeb ewlieni biex tiġi indirizzata l-isfida tal-immigrazzjoni u saħaq li Malta se tkompli tappoġġja l-Kummissjoni Ewropea sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-Libja.
Il-Prim Ministru żied jgħid li l-vuċi Mediterranja trid tinstema’ aktar meta nitkellmu dwar l-immigrazzjoni u dan ir-reġjun irid jibqa’ jiġi appoġġjat. “Ma jista’ jkun hemm l-ebda soluzzjoni għall-isfida tal-immigrazzjoni fl-Ewropa mingħajr soluzzjoni għall-Mediterran”, aċċenna b’mod b’saħħtu l-Prim Ministru flimkien ma’ Mexxejja Ewropej oħra u tal-Mediterran.
Fuq it-tema tal-kompetittività, Dr Abela kompla jimbotta l-pożizzjoni ta’ pajjiżna tal-bżonn ta’ suq waħdieni ekwu għal kulħadd, inkluż dawk l-istati fil-periferija tal-Unjoni Ewropea bħal Malta. Saħaq li l-konnettività tibqa’ għodda importanti f’dan kollu u kif bħala reġjun irridu nibqgħu ninvestu fl-infrastruttura diġitali għaliex ma nistgħux nibqgħu f’sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini tagħna fil-Mediterran ikunu żvantaġġjati minn ċittadini oħra ġejjin minn Stati Membri oħra fosthom fuq kisba ta’ servizzi.
Waqt is-Summit tal-MED9, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mid-Deputat tal-Gvern Carmelo Abela u l-Kummissarju Għoli ta’ Malta għal Ċipru, Joseph Cuschieri.