L-eks Prim Ministru tal-Pakistan, Imran Khan, indirizza folla kbira ta’ partitarji fl-ewwel dehra pubblika tiegħu minn mindu ntlaqat minn tiri ta’ arma tan-nar u safa ferut.
Folol kbar inġabru għal rally fil-belt ta’ Rawalpidi, bin-nies iġorru bnadar u anke kartelluni. Is-Sur Khan ħeġġeġ lin-nies biex jgħixu mingħajr biża’ mill-mewt.
Persuna waħda nqatlet u bosta oħrajn indarbu waqt l-attakk li seħħ aktar kmieni dan ix-xahar, waqt li s-Sur Khan kien qed imexxi attività simili.
L-eks Prim Ministru tal-pajjiż weġġa’ f’siequ l-leminija u kellu jgħaddi minn operazzjoni. Huwa akkuża lill-membri tal-Gvern attwali li ppjanaw l-attakk f’Wazirabad. L-awtoritajiet tal-pajjiż iżda ċaħdu dawn l-akkużi.
Mara li tkellmet mal-BBC u li kienet parti mill-folla, qalet: “jiena ninsab hawn għal mexxej li qed jappoġġjana.” Ieħor saħaq li: “hemm raġel wieħed biss li jsemma’ leħnu kontra l-establishment kollu. Hu jinsab hawn biex iħares ‘il quddiem u tana viżjoni.”