Thursday, October 22, 2026
Home Sport L-ekwipaġġi tar-Royal Malta Yacht Club jirriflettu fuq is-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea...

L-ekwipaġġi tar-Royal Malta Yacht Club jirriflettu fuq is-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race

0
50

Is-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race bdiet mill-Port il-Kbir nhar is-Sibt 17 ta’ Ottubru, b’107 jottijiet jitilqu fuq ir-rotta ta’ 606 mil nawtiku madwar Sqallija. Għaxra minn dawn il-jottijiet tellqu taħt il-bandiera uffiċċjali  tar-Royal Malta Yacht Club. Fost l-ekwipaġġi kien hemm baħħara veterani u adolexxenti, baħħara internazzjonali, kif ukoll Maltin, u anke timijiet professjonali li iffurmaw dan l-aħħar. Mhux il-jottijiet kollha rnexxielhom itemmu t-tellieqa, iżda kull ekwipaġġ irritorna bi storja differenti.

Fost l-aktar ekwipaġġi ta’ esperjenza kien hemm dak ta’ Artie III. Lee Satariano, li kien qed jipparteċipa fis-17-il edizzjoni tiegħu, it-tmien waħda abbord dan il-jott. Hu rebaħ il-klassi tiegħu u kien l-ewwel jott Malti li temm it-tellieqa. Fil-passat, huwa kien rebaħ it-tellieqa  darbtejn b’jott ieħor. Il-ko-skipper tiegħu, Christian Ripard, laħaq rekord ta’ 36 parteċipazzjoni.

“Dan huwa dak li nħobb dwar Artie: l-ekwipaġġ, it-tim u r-rabta ta’ bejnietna,” qal Satariano. “Tajna kollox mill-bidu sal-aħħar.”

Għal Ripard, l-attrazzjoni ta’ din it-tellieqa baqgħet l-istess. “Inħobb din it-tellieqa u nixtieq ħafna nerġa’ nagħmilha.”

Calypso, l-iżgħar jott fost dawk irreġistrati mal-Club, kellu storja aktar personali. Għal Sebastian Ripard, it-tellieqa minn dejjem kienet marbuta man-nannu tiegħu, John Ripard Snr, wieħed mill-fundaturi tar-Rolex Middle Sea Race.

“Wieħed mill-aktar mumenti li kont inkun qed nistenna kien jiġi wara t-tellieqa. Konna mmorru d-dar tan-nannu u niddiskutu miegħu dak kollu li jkun ġara. Kien jgħidilna fejn konna żbaljajna u jgħaddi magħna l-għażliet tattiċi tal-ekwipaġġ, u konna nerġgħu ngħixu dawk il-mumenti miegħu,” qal Ripard.

“Jiddispjaċini li ma nistax nibqa’ nagħmel dan. Iżda grat li kelli dawk l-esperjenzi miegħu, u grat ukoll li nista’ nkompli nibni fuq il-wirt li ħallielna. Billi nkompli nagħmel l-affarijiet li kien involut fihom hu, u ngawdi l-istess passjonijiet li kellu, inżommu ħajjin l-ispirtu u l-memorja tiegħu.”

Li jbaħħar b’jott żgħir u espost għall-elementi, kontra jottijiet ħafna akbar, iġib miegħu sodisfazzjon partikolari. “Hemm ħafna diffikultajiet, iżda hemm ukoll sens kbir ta’ sodisfazzjon meta tkun taf li kapaċi tagħmel dan.”

Il-konfront li żamm lil dawk li kienu qed isegwu t-tellieqa mwaħħlin mat-tracker kien dak bejn l-aħwa Podesta – Aaron, Christoph u Maya abbord Elusive 2 – u Ton Ton Laferla ta’ Jonathan Gambin.

Gambin kien qed jipparteċipa fid-19-il edizzjoni tiegħu, b’ekwipaġġ li ftit li xejn inbidel matul is-snin. Fl-aħħar parti tar-rotta lejn Malta, waqt li kienu qed ibaħħru kontra r-riħ f’kundizzjonijiet ta’ aktar minn 30 mil nawtiku fis-siegħa, il-qlugħ J2 ta’ Ton Ton iċċarrat ftit qabel il-linja finali, ’il barra mill-ponta tad-Dragonara.

“Ibni kien staqsieni jekk il-J2 kienx jiflaħ għal 28 mil nawtiku fis-siegħa, u jien għedtlu iva,” qal Gambin. “Iżda r-riħ laħaq 31 mil nawtiku fis-siegħa. Il-qlugħ ċeda proprju fl-agħar mument. Dak kien żball tiegħi.”

Gambin, li jqis l-ekwipaġġ ta’ din is-sena bħala wieħed mill-aqwa li qatt kellu, diġà jaf x’se tkun il-prijorità tiegħu għas-sena d-dieħla: li jtejjeb il-prestazzjoni tal-jott meta jbaħħar kontra r-riħ f’kundizzjonijiet ta’ temp iebes.

Ton Ton Laferla spiċċa qabel Elusive 2, iżda wara l-korrezzjoni tal-ħinijiet, spiċċa sitt minuti warajh. B’hekk, l-aħwa Podesta rebħu l-Arthur Podesta Trophy, trofew imsemmi għal missierhom, li jingħata lill-ewwel jott Malti skont il-klassifika IRC.

“Din it-tellieqa kienet waħda mill-aktar impenjattivi mil-lat mentali,” qal Aaron Podesta. “Il-konfront ma’ Ton Ton beda mill-ewwel mument, u kellna naħdmu bil-mod il-mod biex nerġgħu nnaqqsu d-distakk. Abbord għandna espressjoni li ngħidu ta’ spiss: it-tellieqa tispiċċa biss mal-linja finali.”

Wara dan ir-riżultat kien hemm ukoll ħafna xogħol li qatt ma jidher fuq it-tracker. Maya Podesta, ko-skipper ta’ Elusive 2, hija fost l-aktar nisa ta’ esperjenza fin-numru dejjem jikber ta’ baħħara nisa li qed jikkompetu fil-flotta Maltija.

“Dan it-tip ta’ tlielaq ma jiddependix biss fuq is-saħħa fiżika,” qalet. “Hemm ħafna xogħlijiet oħra abbord, u l-importanti hu li kull persuna tkun fil-pożizzjoni li l-aktar tixirqilha.”

Ir-rwol tagħha jinkludi li żżomm il-jott organizzat, tiżgura li l-ekwipaġġ jiekol u jixrob biżżejjed, u li kollox ikun f’postu.

“Meta tkun fuq il-baħar, ma tkunx taf kemm se jqum riħ. Jekk l-affarijiet ma jkunux f’posthom, kif se ssibhom meta jkollok bżonnhom?”

Abbord Vivace, ir-rebbieħ tal-Arthur Podesta Trophy tas-sena l-oħra, Chiara Scerri Herrera kienet l-unika mara fl-ekwipaġġ. Din kienet l-ewwel darba li kienet qed tikkompeti ma’ dan it-tim, wara li kienet diġà ħadet sehem f’żewġ edizzjonijiet oħra tat-tellieqa.

Hija fakkret kif Vivace kien qed ibaħħar tajjeb f’riħ ta’madwar 10 mil nawtiku fis-siegħa, ftit qabel Favignana, meta membru tal-ekwipaġġ weġġa’ u t-tim kellu jirtira mit-tellieqa madwar 14-il mil barra minn Marsala.

“Is-sigurtà tiġi l-ewwel,” qalet.

Għaliha, kull tellieqa hija opportunità ta’ tagħlim. “Tista’tkun esperjenza li tintimidak, iżda tgħinek tiskopri l-punti b’saħħithom tiegħek u tiffoka fuqhom. Ma jkollokx il-mowbajl ħdejk, għalhekk tinqata’ minn kollox u tgħix il-mument.”

Minkejja li kellhom jirtiraw, l-ekwipaġġ żamm spirtu pożittiv u għamel l-aħjar użu possibbli mill-vjaġġ lura lejn Malta.

“Aħna ma nieħdux passiġġieri,” qal Stefan Debattista, skipper ta’ Geisha MeDirect. “Nagħti importanza kbira lill-personalitajiet tal-membri tal-ekwipaġġ. Diversi jiem ta’ tlielaq offshore f’kundizzjonijiet impenjattivi jirrikjedu ħafna aktar minn sempliċement ħila fit-tbaħħir. Li jkollok in-nies it-tajba abbord, li jiftiehmu bejniethom, jaħdmu iebes u jgawdu l-esperjenza flimkien, jagħmel differenza enormi.”

L-ekwipaġġ tiegħu jgħaqqad baħħara Maltin u internazzjonali, fosthom Pippa Bartolo Parnis, ta’ 17-il sena, li temmet it-tielet parteċipazzjoni tagħha. “Li żżomm il-veloċità tal-jott, il-konċentrazzjoni u l-moral tat-tim, waqt li tqatta’ jiem sħaħ tgħix b’inklinazzjoni ta’ 45 grad, mhijiex biċċa xogħol faċli,” qal Debattista. “Kull tellieqa tgħallmek xi ħaġa, u diġà qed naraw kif nistgħu nirritornaw aktar b’saħħitna.”

Iż-żgħażagħ kellhom ukoll preżenza importanti fost l-ekwipaġġi l-oħra tal-Klabb.

Kixx Me ta’ Luis Azzopardi, li rreġistra għat-tellieqa fl-aħħar mumenti, kellu abbord tnejn mill-iżgħar baħħara fil-flotta, Lily Ellul ta’ 15-il sena u Nathaniel Raute ta’ 16-il sena, kif ukoll l-aktar wieħed anzjan, Joe Farrugia ta’ 71 sena.

It-tħejjijiet saru bl-akbar reqqa possibbli fiż-żmien disponibbli, u minkejja li l-ekwipaġġ kellu jaffaċċja xi problemi żgħar bil-qlugħ, irnexxielu jwassal il-jott sal-linja finali.

Azzopardi faħħar il-mod kif intużaw bl-aħjar mod il-ħiliet individwali ta’ kull membru tal-ekwipaġġ.

“Lily, fl-ewwel tellieqa tagħha, u Nathaniel, fit-tieni waħda tiegħu, kienu konsistenti u kuraġġużi f’kull tip ta’ kundizzjoni, minkejja n-nuqqas ta’ esperjenza tagħhom. Għamlu xogħol eċċellenti. Żgur li nikkunsidra li jerġgħu jkunu magħna f’tellieqa oħra, għaliex taw il-mija fil-mija fir-rwoli tagħhom.”

JYS Jan tal-Jarhead Young Sailors’ Foundation, taħt it-tmexxija tal-iskipper Gary Mercieca, ikkompeta b’ekwipaġġ li fil-biċċa l-kbira tiegħu kien ġdid. Huma kellhom jirtiraw qrib Pantelleria wara li nċarrtilhom il-qlugħ prinċipali.

“L-ekwipaġġ ħadem ħafna u ma waqafx lanqas għal sekonda,” qal Mercieca. “Din it-tellieqa għallmitna meta jkun il-mument li għandna nirtiraw il-jott, u kemm tista’ tkun diffiċli deċiżjoni bħal din.”

Mario Debono, Rear Commodore House tar-Royal Malta Yacht Club, li ilu għal ħafna snin marbut mal-ispirtu Korinzju tat-tellieqa, irritorna b’Seven by Malta Sotheby’s International Realty, jott li għadda minn tiġdid estensiv, inkluż tagħmir ġdid u li kien immexxi minn ekwipaġġ internazzjonali bbażat f’Malta.

Huwa ddeskriva l-jott bħala wieħed mibni għall-prestazzjoni, li jagħti l-aħjar riżultati meta jitmexxa b’attenzjoni.

Illum, il-jott mmexxi b’mod professjonali u għandu l-appoġġ ta’ sponsors, bi pjanijiet biex fi żmien sentejn jieħu sehem fiċ-ċirkwit tat-tlielaq fil-Karibew.

“Dan ma jfissirx li qed inħallu warajna l-ispirtu Korinzju. It-tellieqa twieldet minn dan l-ispirtu, u se nkompli naħdem biex inħarsu u nappoġġjah.”

Kevin Pisani Zammit, li kien qed jikkompeti bil-jott Amuni, akkwistat dan l-aħħar, ammetta li mhijiex daqshekk komda għat-tbaħħir offshore daqs Dimm. Madankollu, qal li l-prestazzjoni tagħha kienet ferm aħjar milli kien mistenni għal jott daqshekk żgħir, kemm f’riħ qawwi kif ukoll f’riħ ħafif.

Ftit wara li daru ma’ Favignana, f’riħ ta’ 25 mil nawtiku fis-siegħa u baħar qawwi, l-ekwipaġġ induna li kien hemm ħsara fit-tagħmir li jsostni l-arblu u ħa d-deċiżjoni immedjata li jirtira mit-tellieqa.

“Din kienet l-aqwa Rolex Middle Sea Race li qatt kellna,” qal. “Għall-ewwel tlett ijiem baħħarna f’baħar kompletament kalm, fuq jott li jagħti prestazzjoni tant tajba, u l-ekwipaġġ kollu gawda ħafna minn din l-esperjenza.”

Minn baħħar li kien qed jikkompeti fis-36 edizzjoni tiegħu għal adolexxenti li kienu qed jieħdu sehem għall-ewwel darba, u minn jottijiet tal-familja li jġorru magħhom storja ta’ diversi ġenerazzjonijiet għal timijiet professjonali, kull ekwipaġġ tar-Royal Malta Yacht Club ħa xi ħaġa differenti mill-esperjenza ta’ din is-sena.

Ħafna minnhom diġà qed iħarsu ’l quddiem lejn l-edizzjoni tal-2027.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here