Saturday, March 30, 2024

L-elezzjoni Amministrattiva ġewwa l-Italja

(telfa għal-Lemin u għaċ-Cinque Stelle)

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Il-ġimgħa l-oħra għadu kemm sar it-tieni round tal-elezzjonijiet amministrattivi ġewwa l-Italja. Dawn ma huma xejn għajr l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u l-aktar li jkunu mistennija minnhom huma l-ħatriet tas-sindki tal-ibliet il-kbar, karigi li fil- politika Taljana huma importanti ħafna.

Mingħajr dubju ta’ xejn, ir-riżultat kien ta’ diżappunt kbir għal-lemin li għandu l-qafas tiegħu iffurmat mill-Forza Italia ta’ Berlusconi, mill-Fratelli d’Italia ta’ Giorgia Meloni u mill-Lega Nord ta’ Matteo Salvini. Minkejja li l-andament tal-politika Taljana qatt ma kien eżattament konformi ma dik ta’ pajjiżi oħra Ewropej, xorta wieħed jista’ jinnota l-konferma li l-politika tal-lemin Ewropea bħalissa għaddeja minn kriżi, kif fuq kollox seħħ ġewwa l-Ġermanja u ġewwa l-Awstrija, kif diġa’ rajna f’żewġ artikli oħra ġewwa din il-paġna.

Il-mekkaniżmi tal-elezzjonijiet amministrattivi

Il-mod ta’ kif jiġu eletti s-sindki ġewwa l-Italja jiddependi mill-popolazzjoni tal- lokalità li fiha tkun qiegħda ssir l-elezzjoni. Ġewwa lokalitajiet li għandhom popolazzjoni ta’ anqas minn ħmistax-il elf ruħ, jiġi elett bħala sindku dak il-kandidat li jkun ġab l-aktar voti. F’postijiet fejn hemm popolazzjoni akbar, sabiex jieħu l-kariga ta’ sindku, l-kandidat irid iġib aktar minn 50 fil-mija tal- voti. Jekk ħadd ma jkun ġab din l-kwota ta’ voti jkollu jsir round ieħor ta’ votazzjoni, kif fuq kollox kien qiegħed iseħħ fl-elezzjoni li seħħet il-ġimgħa l-oħra. Dan it-tieni round ikun bejn iż-żewg kandidati li jkunu ġabu l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel round u jiġi elett min iġib l-akbar ammont ta’ voti minnhom.

Fl-ewwel round, ix-xellug irnexxielu jtella’ s-sindki ta’ bliet importanti bħal Milan, Bologna u Napli, 

Elezzjoni fi bliet prestiġġjużi

Din l-elezzjoni kellha ċertu importanza minħabba li saret f’ibliet ewlenin fosthom il- kapitali Ruma, Torino u Trieste. Il-partiti tax-xellug, bil-Partito Democratico fuq quddiem eleġġew is-sindki ta’ Ruma u ta’ Torino, fejn il-kandidati xellugin Roberto Gaultieri u Stefano Lo Russo kaxkru lill-avversarji rispettivi taghhom tal-lemin, mentri ġewwa Trieste ġie kkonfermat bħala sindku Roberto Dipiazza li ġej mill-kamp tal- lemin. Filwaqt li ġewwa Torino u Ruma l-kandidati xellugin ġabu madwar 60 fil-mija tal-voti validi kontra l-40 fil-mija li ġabu l-kandidati tal-lemin, ġewwa Trieste ir- riżultat kien ferm anqas skjett, b’Dipiazza jġib ftit aktar minn 51 fil-mija tal-voti, ftit aktar minn żewġ punti perċentwali aktar minn Francesco Russo, l-kandidat xellugi. Kif qal tajjeb Russo f’konferenza stampa li għamel wara t-tħabbira tar-riżultat, minkejja li x-xellug ħareġ tellief fl-elezzjoni ta’ Trieste, xorta ġew irkuprati madwar 15-il punt perċentwali fuq l-aħħar stħarriġ xjentifiku li kien sar ftit jiem qabel ma bdiet il- kampanja elettorali.

Barra minhekk, ix-xellug tella’ s-sindki ta’ sitta mis-sebgha ibliet ewlenin oħra li kellhom l-elezzjoni f’dan ir- round, fosthom ġewwa Varese, Savona, Latina, Caserta, Isernia u Cosenza. Il-lemin tella’ s-sindku ta’ Benevento.

Ta’ min jgħid li t-turnout f’din l-elezzjoni kien l-aktar wieħed baxx ta’ kull żmien għax kull ma ħarġu jivvutaw kienu ftit anqas minn 44 fil-mija tal- votanti eliġibbli. Fl-ewwel round ta’ dawn l-istess elezzjonijiet kienu ħarġu jivvutaw madwar 53 fil-mija. Ta’ min jinnota li l-moviment Cinque Stelle pratikament sparixxa mill-arena politika Taljana wara li fl-2016 kien kaxkar lil kulħadd.

Il-kummenti tal-protagonisti

Fid-diskors tiegħu ta’ wara t-tħabbira tar-riżultat, Enrico Letta, s-segretarju u d-de factum mexxej tal-Partito Democratico, wera  sodisfazzjon kbir bir-riżultat, kif fuq kollox għamlu l-mexxejja kollha tal-koallizjoni tax-xellug. Filfatt, il-partit ta’ Letta issa għandu madwar 70 fil-mija tas- sindki Taljani.

Fuq in-naħa li ħarġet telliefa, rajna reazzjonijiet differenti mill-mexxeja tat-tlett partiti ewlenin tal-lemin. Matteo Salvini, l-mexxej tal- Lega Nord qiegħed sa ċertu punt idur mal-lewża u jipprova juża’ n-numri sabhiex jimmitiga t-telfa li ġarrbu hu u sħabu. Filfatt, huwa qal li għalkemm jirrispetta r-rieda tal-poplu, x-xellug ma tantx għandu biex jiċċelebra għax skond Salvini kien hemm ħafna nies li ma ħarġux jivvutaw. Huwa qal ukoll li l-kandidati tax-xellug ftit żiedu fin-numru tal-voti li ġabu. Skond Salvini, d- differenza żdiedet għax il-votanti tal-lemin għażlu li jastjenu mill-vot.

Giorgia Meloni, l-mexxejja tal-Fratelli d’Italia, partit ieħor tal-lemin, għażlet li tkun aktar realistika minn Salvini fl-analiżi tagħha tat-telfa. Hija qalet li l-lemin ma rnexxielux jieħu lill-ibliet il-kbar minn taħt idejn ix-xellug. Hija qalet ukoll li din it- telfa mhix traġedja daqs kemm tidher għax il-Partito Democratico żied il-voti billi ħa ħafna voti taċ-Cinque Stelle li huwa alleat tad-Democratiċi. Hija qablet mal-analizi ta’ Salvini li hija għarukaza li s-Sindku ta’ Ruma ġie elett b’’turnout’ daqshekk baxx ta’ voti.

Sadanittant, kemm Salvini u Meloni bdew taħdidiet ma’ Silvio Berlusconi sabiex janalizzaw ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni.

Il-Moviment Cinque Stelle

Flimkien mal-partiti tal-lemin f’din l-elezzjoni ħa tkaxkira nobis ukoll il-Movimento Cinque Stelle. Iċ-Cinque Stelle huwa magħmul minn politiċi mill-ispettru kollu tal- ideoloġiji politiċi.

Il-kandidata tal-Movimento fl-elezzjoni ta’ Ruma u li din li sa qabel din l-elezzjoni kienet s-sindku ta’ Ruma lanqas biss irnexxielha tasal sat-tieni round tal-votazzjoni. Ġewwa Torino, Valentina Sganga li kienet il-kandidata taċ-Cinque Stelle ġabet anqas minn 10 fil-mija tal-voti fl-ewwel round. Riżultati katastrofiċi oħra inkisbu ġewwa Milan u Bologna.

Dan ir-riżultat żgur sejjer jaffettwa l-istrateġiji tal-mexxejja tal-partiti kollha ġewwa l-Italja. Il-Moviment Cinque Stelle li issa qiegħed jiġi mmexxi mill-eks Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte għandu ħafna x’ jaqdef u qiegħed jissogra li jisparixxi mix-xena politika Taljana. 

Fil-każ tal-lemin, jidher li l-poplu Taljan qiegħed kull ma jmur jitbiegħed minnhom. Żgur li l-protesti vjolenti li rajna ġewwa Ruma u Trieste fuq l-famuż Green Pass, u li ġew attribwiti lill-lemin, ma għenux lill-partiti ta’ Meloni, Salvini u Berlusconi f’ dawn l-elezzjonijiet. Filfatt, ħafna ġurnali Taljani diġa’ bdew jqabblu dak li għamlu l-protestanti tal-lemin estrem ma’ żmien ‘gli anni di piombo’, fejn fis-snin sebgħin u tmenin konna naraw ħafna ġlied u attentati mill-lemin estrem. Il-President Taljan, Sergio Matarella kien wieħed mill-ftit li antiċipa dan l-atteġġjament vjolenti mill-lemin meta kien ilu x-xhur iwissi li l- estremiżmu tas-snin sebghin u tmenin għadu ħaj ġewwa l-Italja. 

Minn naħa tal-Partito Democratico, dan jidher li qiegħed jerġa’ jqum fuq saqajh u naqra naqra qiegħed jerġa’ jilħaq il-livelli ta’ meta kien immexxi minn Matteo Renzi. 

Fuq kollox ir-riżultat li ġab iċ-Cinque Stelle, li minn l-akbar partit ġewwa l-Italja issa qiegħed jiġġieled għall-eżistenza tiegħu juri li fil-politika Taljana il-frażi li “fil-politika ġimgħa hija perjodu twil ħafna’ hija pjuttost konservattiva żżejjed.

Ekonomija

Sport