Wednesday, April 24, 2024

Ser ikollna x-xorti li naraw it-tieni parti?

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

“Dune” kien il-wieħed li ħajjar nies l-aktar lejn is-swali taċ-ċinema fl-Istati Uniti.  Fl-ewwel tlitt ijiem, kellu dħul ta’ $40.1 miljun.  Għall-Warner Bros. dan kellu l-akbar suċċess minn kemm ilhom iħaddnu l-istrateġija li l-films tagħhom jiftħu fit-teatri u fuq l-HBO Max fl-istess jum.

Kienu bdew f’April, b’“Godzilla vs. Kong” b’dħul ta’ $31 miljun fl-ewwel tlitt ijiem.  B’mod partikolari “The Suicide Squad” kien ta’ diżappunt f’dak li hu dħul fil-box office meta fl-ewwel tlitt ijiem ġabar $26 miljun.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Denis Villeneuve, il-kast jinkludi lil Timothée Chalamet, Rebecca Ferguson, Oscar Isaac u Josh Brolin.  “Dune” hu ntenzjonat li jkun l-ewwel parti minn żewġ films li Villeneuve jixtieq jaħdem, ispirat mill-ktieb ta’ Frank Herbert.  Din l-ewwel parti swiet $165 miljun apparti miljuni oħra li ntefqu fuq il-pubbliċità.  Id-dħul li ser ikollu ser jiddetermina jekk it-tieni parti tinħadimx.  Dan ġie ikkonfermat miċ-chairperson tal-WarnerMedia, Ann Sarnoff. 

Qed jingħad li l-ammiraturi tal-ktieb ta’ Herbert fittxew li jaraw dan il-film fuq l-akbar skrins possibbli: Imax, Dolby 4DX.  Dawn is-swali kkontibwixxew mal-50% tad-dħul kollu li kellu fl-istati Uniti.

Fl-erba’ postijiet l-oħra tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa kienu okkupati minn: “Halloween Kills”, “No Time To Die, “Venom: Let There Be Carnage” u fil-ħames post il-film animat ġdid “Ron’s Gone Wrong”.

Dune

Dan hu msejjes fuq il-rumanz tal-awtur Amerikan Frank Herbert u li kien ippubblikat fl-1965.  Fl-2003, il-ktieb ‘Dune’ kien iddikjarat bħala dak ir-rumanz tal-fantaxjenza li kellu l-akbar numru ta’ kopji mibjugħa,

Minn meta ħareġ fuq l-ixkaffef għall-bejgħ, diversi produtturi tal-films tefgħu għajnejhom fuqu sabiex joħolqu film ispirat minnu.  Għall-bidu kulħadd qata’ qalbu minħabba l-immensità li titlob n-narrattiva.  Barra minn hekk, il-miljuni ta’ qarrejja żgur li ma kienux ikunu lesti li jaċċettaw li jinħadem film li jmur lil hinn mill-viżjoni tal-awtur Frank Herbert.

Fl-1984, David Lynch irnexxielu jaħdem verżjoni bl-intenzjoni li jkun twil 3 sigħat.  Meta ġie biex il-film joħroġ, kien hemm pressjoni biex jiqsar għax il-pubbliku ma kienx lest li jmur jara film daqshekk twil.  Tħallew barra 43 minuta u l-film ma ntalaqx kemm mill-kritiċi u anqas mill-pubbliku.

Naħseb is-suċċess ta’ films bħal “The Lord of the Rings” u l-fatt li llum direttur għandu teknoloġija ferm għola ta’ kif jinħolqu l-effetti viżwali, ħajjar lill-kumpanija Warner Bros. u lid-direttur Denis Villeneuve jidħlu għal din il-produzzjoni li swiet $165 miljun biex inħadmet.  Interessanti deskrizzjoni riċenti li għamel  i-direttur.  Iddeskriva “Dune” bħala “Star Wars għall-adulti”!

“Dune” hu maħdum fuq skala enormi,  b’gwerer, armati li jissieltu  b’mod brutali, villan awtokratiku grottesk u eroj li qiesu l-messija.  L-ispirtu u d-disinn tal-film hu fil-klassi ta’ “Star Wars” u “Lord of the Rings”.  L-istil ċinematografiku hu qrib dak ta’ “Lawrence of Arabia”. 

Id-direttur Denis Villeneuve trid tatih mertu għal mod kif ħoloq dinja immaġinarja.  Mhux daqstant marki għan-narrattiva, għalkemm jekk tpoġġih ħdejn il-verżjoni ta’ David Lynch li rajna 37 sena ilu, din il-verżjoni moderna hi aħjar.

Timothée Chalamet għandu l-parti ta’ Paul, iż-żagħżugħ qalbieni ġej mill-familja Atreide.  Missieru, Duke Leto Atreides (Oscar Isaac) ikun qed imexxi opportunità li jista’ jkollha konsegwenzi perikolużi fuq il-pjaneta deżert, Arrakis, li għal 80 sena kienet taħt it-tmexxija b’id tal-ħadid mill-familja Harkonnen, immexxija mill-Baruni Vladimir Harkonnen (Stellan Skarsgård).

Issa, l-Imperatur ta’ Arrakis, ordna li Harkonnen jitilqu minn hemm sabiex il-familja ta’ Atreides jieħdu kontroll ta’ dan id-dinja fejn l-aqwa riżorsa hi ħawwar, magħrufa bħala mélange, li kapaċi ttawwal l-ħajja umana fost affarijiet oħra sopranaturali.  L-operazzjoni biex jiġi estratt dan il-ħawwar hi perikoluża minħabba l-preżenza ta’ dud tar-ramel li jipproteġu din is-sustanza.

Id-direttur Villeneuve jinħass li qed jagħmel ħiltu kollha li jkun fidil lejn is-sors oriġinali: il-ktieb ta’ Herbert u l-viżjoni tiegħu ta’ din id-dinja deżert.

Il-film jiffoka ħafna fuq il-karattru ta’ Paul li jkun għadu ma fehmx l-abiltajiet tiegħu li wiret mingħand ommu Lady Jessica (Rebecca Ferguson).  “Dune” għandu xeni tajba bħal meta Paul jitgħallem jitkellem m’ommu b’mod telepatetiku.  Hemm ukoll dak l-element romantiku hekk kif Paul ikollu għajnejh fuq iż-żagħżugħa Chani li tkun Fremen – in-nies li jabitaw fuq l-pjaneta deżert Arrakis.

Imma naħsbu li l-aktar element impressjonanti f’din il-produzzjoni hi s-soundtrack, inkluż il-mużika li jagħtina Hans Zimmer għal dan il-film.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 12A (persuni taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) minħabba xi xeni ta’ vjolenza moderata, hemm mumenti li jistgħu jkunu qawwija għal tfal żgħar ħafna u għal xeni mdemmija.

Sport