Sunday, December 22, 2024

L-Elezzjoni Ġenerali għas-26 ta’ Marzu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela waqt diskors mill-Furjana qal li meta daħal għal din il-kariga kien jaf li mhux se jkollu perjodu ta’ qamar il-għasel, iżda li b’responsabbiltà flimkien ma’ martu Lydia qablu li jikkontesta għall-elezzjoni tal-Kap tal-PL. Żied jgħid li sa mill-ewwel ġurnata tiegħu fil-kariga, ħafna bdew jistaqsuh dwar l-elezzjoni ġenerali. Huwa qal li dejjem kien fl-interess tiegħu li l-ewwel u qabel kollox ikollna pajjiż stabbli u li minkejja pandemija nsalvaw il-ħajjiet, l-ekonomija u l-impjiegi tan-nies.

“Nemmen li wasal il-mument li niġi għandkom u bħala Prim Ministru nitlobkom il-fiduċja. Fil-ħin li ġej se nkun qiegħed immur għand il-President tar-Repubblika u nagħtih il-parir biex ixolji l-parlament sabiex tinżamm elezzjoni ġenerali fis-26 ta’ Marzu”, ħabbar Abela.

Il-Prim Ministru qal li l-poplu għandu għażla quddiemu bejn jekk iridx li jagħżel il-passat jew għażla għall-futur.

“Aħna l-moviment tar-riformi u r-riformi huma n-nifs tagħna. Jeħtieġ li nagħżlu lil min jgħin u li jinvesti fin-nies. Min hu ffukat fuq il-ġejjieni u min irid imur lura biex inissel il-firda. Se nagħżlu bejn min immodernizza d-demokrazija u min għalih il-governanza tfisser li jqaċċat l-irjus ta’ min ma jaqbilx miegħu”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru qal li dan huwa pajjiż inklussiv u għalhekk dan il-gvern se jara li kulħadd ikollu l-opportunità li jsir ġenitur. 

Dwar il-pensjonanti, Abela qal li hu qatt ma jista’ jinsa l-ħidma tagħhom u għalhekk fis-snin li ġejjin se jibqa’ jara li jkompli jirrikonoxxi din il-ħidma.

Tkellem ukoll dwar ideat biex dawk li jixtiequ jmorru jgħixu fid-dar tagħhom ikollhom l-għodod neċessarji biex jagħmlu dan.

Ekonomija

Sport