Tuesday, May 14, 2024

“Bdejna t-tiġrija… Agħmlu kuraġġ!”

Aqra wkoll

“Wasal il-mument li bdejna t-tiġrija għall-elezzjoni ġenerali. Agħmlu kuraġġ. Agħmlu kuraġġ”, qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt l-indirizz tiegħu f’attività politika mill-Mosta.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab lest mhux biss għal kampanja enerġetika u żagħżugħa tan-nies u għan-nies. Żied jgħid li dan it-tim huwa lest li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja jkun jista’ jiggverna lil dan il-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin.

Grech qal li din hija elezzjoni li ma tikkonċernax lilu, iżda hija elezzjoni li tikkonċerna lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Żied jgħid li kollox hu determinat mill-mument meta kull persuna eleġibbli jkun waħdu fil-kamra tal-vot u jikkontribwixxi biex jikteb l-istorja, il-futur u l-ħolm li jista’ jwettaq il-partit immexxi minnu għalih, għal uliedu u għal ulied uliedu.

Grech qal li gvern immexxi minnu jassigura li l-ġid li jinħoloq, jinżel, jolqot u jsaħħaħ u jwieżen lil kulħadd għax mhux biżżejjed li jinħoloq il-ġid u jmur fil-bwiet tal-ftit.

“Il-ġid li joħloq dan il-pajjiż huwa ta’ kulħadd u allura jrid jasal għand kulħadd. Imma biex tqassam il-ġid trid tikkreah,” qal Grech filwaqt li tkellem dwar strutturi ġodda tal-ekonomija ta’ pajjiżna li ma jiddependux biss minn self.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kull wieħed u waħda minna għandna d-dmir li nistinkaw, iżda għandna wkoll id-dritt li nirnexxu lil hinn mil-lewn politiku.

Żied jgħid li partit immexxi minnu jrid ikun il-gvern li jagħti l-opportunità u jara li l-ħila ta’ kulħadd tiġi premjata. Iżda jrid li jkun gvern ukoll li jekk persuna ma tistax tasal jew tirnexxi minħabba xi saram, mard, kundizzjoni, diżabbiltà jew għawġ li jiġi għal wiċċhom bla mistenni, jgħinhom biex jaslu wkoll.

Quddiem iż-żieda fl-għoli tal-prezzijiet, Grech qal li l-gvern m’għandux soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja u għalhekk il-poplu ma jistax jerġa’ jafdah. Min-naħa l-oħra Grech qal li l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni ta s-soluzzjonijiet u għandu pjan għal kull settur b’viżjoni ta’ fejn u kif jixtieq jasal.

Bernard Grech saħaq li Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jaħdem bil-għaqal biex ikompli jkattar l-ekonmija ta’ pajjiżna. 

Sport