L-Enemalta tat lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi kollha li ġew affettwati minn interruzzjonijiet kawża ta’ ħsarat fil-cables tal-vultaġġ għoli fi tmiem il-ġimgħa, hekk kif qiegħda tkompli ssewwi l-ħsarat oħra li ġew ikkawżati mit-temperaturi għoljin waqt din il-mewġa ta’ sħana.
Is-Sibt filgħaxija, inġiniera u tekniċi tal-Enemalta komplew b’ħidma bla waqfien biex isewwu l-ħsarat fil-cables tal-vultaġġ għoli f’partijiet differenti ta’ Malta u Għawdex, sabiex jagħtu lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi, u jreġġgħu lura l-flessibilità u reżiljenza fin-network ta’ distribuzzjoni. Minn nhar it-Tnejn ’l hawn, il-Kumpanija rreġistrat iżjed minn 60 ħsara differenti fil-cables tagħha u diffikultajiet oħra fis-sistema tal-vultaġġ għoli fin-network ta’ distribuzzjoni ta’ Malta. Diversi timijiet ta’ tekniċi ser ikomplu jaħdmu bla waqfien, sakemm il-cables kollha jinxtegħlu.
Sa dan it-tant timijiet tekniċi oħrajn tal-Enemalta qegħdin ikomplu jassistu lill-konsumaturi li ntlaqtu minn ħsarat żgħar li jistgħu jaffettwaw binjiet individwali, partijiet minn toroq, jew żoni lokalizzati.
Matul il-lejl li għadda, l-Enemalta lestiet it-tiswijiet fuq il-cable ta’ vultaġġ għoli f’Ħ’Attard, sabiex tagħti lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi f’partijiet tar-Rabat, Dingli u l-Imtarfa. F’Għawdex, tlestew ukoll it-tiswijiet fuq cable ieħor li jagħti l-provvista lill-partijiet tan-Nadur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, is-Sur Jonathan Cardona, spjega li l-impjegati tal-Enemalta qegħdin jaħdmu bla waqfien sabiex tingħata lura l-provvista tal-elettriku fiż-żoni affettwati.
“Nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi u nirringrazzja lit-timijiet kollha li qegħdin jaħdmu kull ħin tal-ġurnata biex jassistu lill-konsumaturi affettwati f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Żidna rriżorsi tagħna u ser inkomplu nagħmlu dan fil-ġranet li ġejjin, sabiex inkomplu nsaħħu nnetwork u sabiex nieħdu azzjoni malajr għal kwalunkwe diffikultà oħra li tista’ tinqalgħa fis-sigħat li ġejjin,” qal Cardona.
Meta tiġi reġistrata ħsara fin-network tal-vultaġġ għoli, l-Enemalta tibda bix-xogħlijiet sabiex tagħti lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi affettwati. F’ħafna mill-każijiet, jintużaw konnessjonijiet alternattivi fl-istess żona sabiex tingħata lura tali provvista.
Madankollu, meta jiġu rreġistrati numru ta’ ħsarat fl-istess ħin li jaffettwaw cables differenti li jagħtu l-provvista lill-istess żona, ma jkunx possibbli li tingħata lura l-provvista tal-elettriku qabel ma jsiru t-tiswijiet fil-cables ta’ taħt l-art, u dan il-proċess jieħu l-ħin biex jitlesta.
Meta ħsarat jimpattaw substation waħda, u t-tiswijiet jeħtieġu ammont kbir ta’ ħin biex jitlestew, l-Enemalta qiegħda tuża generators kbar bħala standby power station, sabiex tipprovdi l-elettriku lill-konsumaturi affettwati sakemm ikunu qegħdin isiru t-tiswijiet fissubstation.
Għalkemm ma jkunx dejjem teknikament possibbli li jintużaw dawn is-sistemi, generators intużaw biex jitnaqqas il-ħin bla provvista tal-elettriku f’Ħaż-Żabbar, Żurrieq, Dingli, Msida, Ħaż-Żebbuġ, Mellieħa u Għajnsielem.
L-Enemalta ser tkompli tuża r-riżorsi kollha disponibbli sabiex tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizz tagħha, waqt li tipprovdi rispons iżjed malajr għal interruzzjonijiet fin-network jew talb għal assistenza minn konsumaturi li jkunu qed jesperjenzaw xi diffikultajiet.
Konsumaturi li jesperjenzaw ħsarat simili għandhom jinfurmaw lill-Enemalta billi jċemplu lit-tim tal-Customer Care tal-Enemalta fuq 8007 2224 jew billi jċemplu s-Servizz.Gov Helpline 153.
Enemalta qiegħda tuża sistema ta’ notifiki permezz ta’ SMS biex iżżomm konsumaturi li huma rreġistrati aġġornati fuq ħsarat u tiswijiet li jaffettwaw il-provvista tal-elettriku tagħhom. Il-pubbliku jista’ jirreġistra għal dan is-servizz billi jibgħat SMS fuq in-numru 79052492, bin-numru tal-karta tal-identità.
Fuq is-sit elettroniku, jitilgħu aġġornamenti live fuq interruzzjonijiet fil-provvista talelettriku – enemalta.com.mt/planned-power-cuts/.