Enemalta nediet xogħlijiet sabiex treġġa’ lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi li ġew affettwati mit-tmien ħsarat li ġew irreġistrati l-Ħamis filgħaxija, filwaqt li kompliet bit-tiswijiet tal-cables ta’ taħt l-art u ħsarat oħra li esperjenzat fis-sistema tad-distribuzzjoni. Dan fid-dawl tar-raba’ lejl tal-heatwave, li laqtet in-nofsinhar tal-Ewropa din il-ġimgħa.
Ħafna mill-interruzzjonijiet fis-sistema tal-vultaġġ għoli fin-netwerk li ġew irreġistrati l-Ħamis filgħaxija diġà ġew indirizzati u solvuti, hekk kif konsumaturi affettwati ġew imqabbda mal-grid ta’ distribuzzjoni minn punti alternattivi fl-istess żona fi ftit sigħat. Interruzzjoni oħra fil-provvista tal-elettriku f’partijiet tar-Rabat u tal-Imdina wkoll ġiet solvuta kmieni l-Ġimgħa filgħodu. Il-konsumaturi li ġew affettwati minn ħsarat lokalizzati f’parti mill-Imsida, Birgu, Bormla, Kalkara u Żabbar ser jiġu mqabbda man-netwerk hekk kif jitlestew it-tiswijiet neċessarji li għandhom jitlestu llum.
Il-ħaddiema tal-Enemalta qegħdin jaħdmu wkoll fuq ħsara oħra li kkawżat interruzzjonijiet f’parti oħra ta’ Ħaż-Żabbar u parti minn Wied il-Għajn.
Timijiet speċjalizzati ta’ inġiniera, tekniċi u tekniċi speċjalizzati li huma armati b’tagħmir li jidentifika fejn tinsab il-ħsara fil-cables, jointers tal-cables, kuntratturi tat-tħaffir tat-toroq u ħaddiema oħra komplew bil-ħidma tagħhom matul il-lejl kollu sabiex jissewwew iktar minn sitt ħsarat li laqtu l-cables ta’ taħt l-art u li kkawżaw uħud mill-interruzzjonijiet matul il-lejl.
Fil-maġġoranza tal-każijiet, meta tiġi rreġistrata ħsara, il-provvista tal-elettriku tingħata lura minn konnessjonijiet alternattivi li jissupplixxu l-istess żona qabel ma jinbeda l-proċess ta’ tiswija tal-cables affettwati. F’sitwazzjonijiet oħrajn, fejn jiżviluppaw diversi cable faults fl-istess żona, ma jkunx possibbli li l-istess żona tiġi konnessa qabel ma tissewwa waħda jew aktar mill-ħsarat li jkunu affettwaw iż-żona.
Sabiex jissewwew ħsarat li jkunu żviluppaw fin-netwerk ta’ cables taħt l-art, il-pożizzjoni eżatta tal-parti tal-cable li saret ħsara fiha trid tiġi lokalizzata, sabiex wara jsir it-tħaffir neċessarju fit-triq biex tinkixef din il-parti tal-cable li tkun trid tinbidel. Il-proċess jieħu diversi sigħat qabel ma l-cable imsewwi jkun jista’ jiġi ttestjat u jerġa’ jitqabbad. Kif jitlesta dan il-proċess, inkunu nistgħu nagħtu lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi.
Tul dawn l-aħħar erbat ijiem, l-Enemalta żiedet is-sapport tekniku u dak tal-customer care sabiex il-ħsarat li jiżviluppaw fin-netwerk jiġi indirizzati fl-iqsar ħin possibbli, filwaqt li jgħinu lill-konsumaturi li jfittxu assistenza b’diffikultajiet li jaffettwaw lill-konsumaturi individwali. Sadanittant, il-kumpanija qiegħda tikkolabora ma’ Servizz.Gov helpline 153, li issa qiegħda tieħu telefonati biex jagħtu l-assistenza tagħhom dwar qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Dan apparti mill-helpline eżistenti tal-Enemalta, 80002224.
Waqt konferenza stampa l-Ħamis waranofsinhar, iċ-Chairman tal-Enemalta, l-Inġ. Ryan Fava u l-Kap Eżekuttiv, is-Sur Jonathan Cardona kkonfermaw li hekk kif it-temperaturi komplew jogħlew, il-Ħamis l-Enemalta rreġistrat domanda peak ta’ 624 Megawatt, it-tieni domanda rekord għal Malta fl-aħħar jumejn. Il-pajjiż għandu kapaċità totali ta’ 830 Megawatts.
L-Enemalta qiegħda tuża’ sistema ta’ notifiki permezz ta’ SMS biex iżżomm konsumaturi li huma rreġistrati aġġornati fuq ħsarat u tiswijiet li jaffettwaw il-provvista tal-elettriku tagħhom. Il-pubbliku jista’ jirreġistra għal dan is-servizz billi jibgħat SMS fuq in-numru 79052492, bin-numru tal-karta tal-identità ta’ fuq min qiegħed il-kont.