Saturday, December 21, 2024

‘L-esperjenza hija imprezzabbli u jien grata ħafna li qed nilgħab ma’ PAOK ASC fil-Greċja’ – Abby Bonello

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Kont bdejt ngħum meta kont għadni żgħira ħafna. Imbagħad, meta kelli madwar tmien snin, bdejt nieħu sehem f’kompetittivament. Darba, waqt li kont qed nieħu sehem fil-kompetizzjoni nazzjonali tal-għawm, Joe Sciortino, kowċ tal-waterpolo lokali,  avviċinani u stedinni biex nibda nieħu sehem f’dan l-isport. Joe Sciortino  dak iż-żmien kien qed jieħu ħsieb iħarreġ in-nursery tal-klabb tal-Exiles.  Jien kont għadni kemm għalaqt 12-il sena. Minn dejjem kont waħda li nipprova affarijiet ġodda u għoġbitni l-idea li nibda nitħarreġ fi sport li jinvolvi tim. Għaldaqstant tul is-sentejn ta’ wara bdejt nitħarreġ kemm fil-għawm kif ukoll fil-waterpolo. Imbagħad qlibt għal kollox it-taħriġ tiegħi għall-waterpolo. Meta nkun ngħum inħossni fl-element tiegħi u għal din ir-raġuni, il-pixxina saret il-post fejn l-iktar li kont nieħu pjaċir.  Għall-ewwel snin, kont nitħarreġ mas-subien u ma’ tliet bniet oħra, billi ma kienx hemm biżżejjed bniet mħajra għal dan l-isport.  Imbagħad fl-istaġun 2014/2015 ingħaqad it-tim tan-nisa u bħala kowċ kellna lil Gordon Zammit.  Din kienet l-esperjenza sabiħa li wasslitni li nibda karriera internazzjonali.  

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek sa issa ma’ San Ġiljan?

Issa li ilni għal dawn l-aħħar tliet snin nilgħab ma’ San Ġiljan, inħossni sodisfatta ħafna għall-mod kif il-klabb jieħu interess kbir biex itejjeb kull aspett tal-waterpolo tan-nisa.  Biex ma nsemmgħux  kemm il-klabb u l-partitarji jistmawk u jilqgħuk fi ħdanhom; tħossok li tagħmel parti minn xi ħaġa li hi bil-ferm ikbar minnek.  Dan joħloq fik sens qawwi ta’ motivazzjoni, li ttejjeb lilek innifsek.  Tgħallimt xi jfisser li tagħmel parti minn tim fejn kulħadd jagħti każ u jgħin lill-ieħor kemm fil-pixxina kif ukoll barra – ibda mill-plejers, il-kowċ u l-istaff tiegħu, dak tekniku u amministrattiv u fl-aħħar u mhux l-inqas il-Ġiljaniżi. 

X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda?

Meta tqis kollox, l-istaġun li għadda kien qasir.  Il-kampjonat intlagħab fuq medda ta’ tliet ġimgħat u ġimgħa oħra mħollija għan-Knock Out.  Ma kienx staġun li żamm l-istess struttura bħal ta’ staġuni oħra.  Dan ħoloq xi ftit jew wisq daqxejn ta’ tfixkil fit-tħejjija u fit-taħriġ.  Wara li għidt dan, xorta waħda nħossni sodisfatta li ngħatat l-opportunità li jkun hemm plejer barranijja f’kull tim.  Dan għen biex jogħla l-livell tal-logħob meta tqis li sfortunatament konna biss 4 timijiet li qed ħadna sehem.

X’tikkummneta fuq lejn l-esperjenza tiegħek sa issa ma‘ PAOK fil-Greċja?

Din hi t-tieni esperjenza tiegħi fil-qasam internazzjonali.  Kuntenta ħafna u nħossni eċċitata li erġajt qbadt ir-rutina ta’ atleta professjonali.  Dan jissarraf  f’ħafna iktar sigħat ta’ taħriġ, kemm fl-ilma kif ukoll fil-gym, waqt li, fl-istess ħin, irrid noqgħod attenta x’niekol ukoll. Kollox ma’ kollox hi esperjenza li tagħtini sodisfazzjon għax qed nitħarreġ b’mod aktar  intensiv u fl-istess ħin qed ningħata l-opportunità li nilgħab ma’ u kontra avversarji internazzjonali. Din fiha nnifisha tagħtini pjaċir u nħossni sodisfatta. Skont l-aħħar analisi tal-European Aquatics, il-lig tan-nisa tal-Greċja jqisuh bħala t-tieni wieħed l-iktar kompettitiv wara dak ta’ Spanja.  Personalment inħossni eċċitata li qed niffaċċja din l-isfida u grata ħafna lejn il-klabb PAOK li tani l-opportunità li ningħaqad magħhom għal dan l-istaġun bħala waħda mill-għawwiema barranin fit-tim.

Il-lig beda xahar ilu.  Il-logħob li lgħabna kienu impenjattivi iżda, s’issa, irnexxielna nirbħu t-tieni logħba tagħna.  L-istaġun hu twil iżda tieħu pjaċir tilgħab f’lig ta’ 12-il tim mis-serje A1.  Il-livell hu għoli ħafna għax qed tilgħab kontra plejers ta’ klassi li ħadu sehem fl-Olimpijadi u dawk tad-Dinja. Għalija hi esperjenza ta’ siwi kbir u nħossni grata li ninsab hawn.

​X’tikkummenta fuq il-livell tal-waterpolo tan-nisa f‘pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-waterpolo f’Malta, minn mindu rega’ beda jintlagħab għaxar snin ilu, bil-mod il-mod qed jagħmel titjib. Inħoss li hu mertu tal-klabbs kollha li bdew jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali.  Dan beda fis-sena 2019 meta l-klabb Exiles ħa sehem fit-turnament ta’ kwalifikazzjoni għaċ-Champions League.  Kienet ħaġa naturali li, tul is-snin, il-klabbs l-oħra jagħmlu l-istess  u jibdew jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet Ewropej. Illum għall-ewwel darba, tul ix-xahar ta’ Novembru,  kellni 2 timijiet maltin tan-nisa li ħadu sehem fil-Women’s Challenger Cup.  Din hi xhieda qawwija tal-isforzi li qed isiru f’pajjiżna. Barra minn hekk, il-ħatra ta’ kowċis barranin b’esperjenza internazzjonali, hi ta’ benefiċċju kbir għall-waterpolo  tan-nisa f’pajjiżna. Biss inħoss li jonqosna ħafna x’naqdfu.  Meta wieħed jara li fil-lig tan-nisa 2025 hemm biss 3 timijiet li qed jieħdu sehem meta f’tal-irġiel hemm 12-il tim, dan jaf joħloq, dejjem minħabba dawn il-limitazzjonijiet, sens falz ta’ kompettività.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn jintlagħab il-waterpolo tan-nisa f’pajjiżna?

Tul is-snin, il-waterpolo għamel progress.  Għall-ewwel kienu jilagħbu fil-baħar. Imbagħad bil-mod il-mod bdew jilagħbu fil-Pixxina Nazzjonali fuq kull naħa tal-pixxina bi tliet logħbiet jintlagħbu fl-istess ħin sakemm bdew jilagħbu fil-pixxina kollha “full pitch” kemm hi sew fil-Cottonera kif ukoll fil-Pixxina Nazzjonali.  Dan kien mistħoqq meta tqis li t-timijiet tan-nisa qed jieħdu sehem fil-lig tal-kbar.  Hu ta’ pjaċir għalija li fl-aħħar ġejna rikonoxxuti.  Żidna wkoll il-parteċipazzjoni tagħna f’kompetizzjonijiet nazzjonali.  Din is-sena kien hemm il-parteċipazzjoni tat-tim ta’ taħt is-16-il sena u dak ta’ taħt id-19-il sena fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Minkejja dan għad baqa’ xi jsir f’dak li għandu x’jaqsam ma’ taħriġ u tħejjija għal dawn il-kompetizzjonijiet.  Nittama li nkomplu b’dan l-entużjażmu li ntejbu lilna nfusna meta nieħdu sehem bħala tim Nazzjonali tan-Nisa fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni Ewropeja 2025.  

Għaddi messaġġ finali lil dawk il-persuni speċjalment bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil waterpolo.

Personalment tgħallimt li meta tkun trid xi ħaġa b’tant ħerqa, jeħtieġ li tħejji ruħek biex taħdem u tistinka biex tilħaq l-għan tiegħek.  Dan jimplika li jkollok motivazzjoni qawwija. Jgħin ukoll li tul il-mixja tiegħek ikollok l-appoġġ tal-kowċ u tal-familja tiegħek li jemmnu fik u fl-għan li trid tilħaq. Meta tintefa fit-taħriġ  b’enerġija u b’entużjażmu  tħossok sodisfatta b’dak li qed tagħmel, għalkemm trid dejjem tibqa’ saqajk mal-art. Nixtieq nara li l-isports tan-nisa jingħataw importanza u jitqiesu daqs l-isports tal-irġiel.  F’kull sport fid-dinja għadna ngħixu dan il-paragun odjuż bejn l-isports tal-irġiel u dawk tan-nisa.  Madankollu nemmen fir-repreżentazzjoni. Għalhekk  jekk hemm xi tifla li għandha ħolma u hi lesta taħdem biex tilħaq l-għan tagħha, jien nagħmlilha kuraġġ. Ma nħossnix li jien xi eżempju perfett, iżda nittama li l-fatt li emmint fija innifsi jagħmel dik id-daqxejn ta’ differenza, hekk kif nistenna li aktar atleti nisa jaqsmu l-esperjenzi tagħhom magħna.

Ekonomija

Sport