Thursday, July 25, 2024

L-EWRO: 20 SENA WARA

Aqra wkoll

Forsi l-aktar esperiment finanzjajru ambizzjuż fl-istorja. Munita waħda għal numru ta ekonomiji differenti ħafna bejniethom. Minkejja l-isfidi kollha, illum 19 il pajjiż u ftit inqas minn 350 miljun ruħ jużaw l-istess munita. L-ewro qiegħed hawn biex jibqa’.

Dan iż-żmien 20 sena ilu, 12 il pajjiż fl-Unjoni Ewropea bidel il-munita nazzjonali tiegħu għall-Ewro.

Għadni niftakar b’mod partikolari, qisu lbieraħ dan l-avveniment iseħħ ġewwa l-Italja. Għal xhur sħaħ it-Taljani tħabtu mhux ftit f’din il-qalba ghal kuntrarju ta’ dak li ġara f’pajjiżi oħrajn, inkluż anke f’pajjiżna ftit snin wara fejn it-transizzjoni kienet waħda pjuttost trankwilla.

L-idea wara l-ewro kienet li tiġi kreata munita li tnaqqas l-instabbilità ekonomika fil-pajjiżi tal-unjoni, isaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u iżżid dejjem aktar l-għaqda bejn il-pajjiżi Ewropej.

Apparti minn hekk l-ewro ġiet imwaqqfa wkoll sabiex iżżid il-kompetittività tal-blokk Ewropew u tikkompeti mad-dollaru Amerikan fuq livell globali.

L-ewro bħala għodda ta stabbilità 

L-aktar suċċess evidenti tal-munita Ewropea hija proprju l-stabbilità li ġabet magħha b’mod ġenerali minkejja iċ-ċirkostanzi ekonomiċi bla preċedenti li għaddejna minnhom fl-ewwel 20 sena ta dan is-seklu fl-ekonomija taż-żona ewro u lil hinn minnha.

Jekk wieħed iħares lejn il-livell tal-għoli tal-ħajja qabel u wara l-introduzzjoni tal-ewro 20 sena ilu, wieħed jinnota li l-għoli tal-ħajja kien tendenzjalment viċin ħafna it-2%. Dan fil-fatt huwa l-objettiv ewlieni tal-Bank Ċentrali Ewropew. 

Fl-għaxar snin qabel l-introduzzjoni tal-ewro, l-inflazzjoni Ewropea kellha medja aktar għolja. F’punt minnhom l-inflazzjoni saħansitra laħħqet il-5%. Ironikament din hija ir-rata tal-għoli tal-ħajja li għandha bħalissa fiż-żona ewro hekk kif l-isfida li jmiss tidher li se tkun proprju il-kapaċità tal-Bank Ċentrali Ewropew li jikkontrolla l-għoli tal-ħajja li bħalissa għolla rasu mhux ftit f’ħafna pajjiżi.

L-ewro irnexxilha telgħeb l-akbar żewġ kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi li qatt esperjenzajna fuq livell globali fl-ewwel ftit snin tal-eżistenza tagħha. Fl-2008 il-kriżi bankarja globali żviluppat fi kriżi ta’ dejn għal numru ta’ gvernijiet Ewropej. Hawnhekk l-ewro għaddiet l-akbar test tagħha hekk kif irnexxielha, b’ħafna sforz u anke b’riskju serju għall-eżistenza tagħha, iżomm pajjiżi bħall-Greċja, L-Italja u Spanja milli jfallu. 

Diffiċli nimmaġina kif il-Greċja ma kinitx tfalli kieku flok l-ewro kien għadd kellha id-Drachma. Diffiċli wkoll nimmaġina li l-Italja ma kinitx tfalli mingħajr ma kienet tagħmel devalwazzjoni oħra tal-Lira. 

Fil-Fatt id-devalwazjoni tal-muniti Ewropej kienet is-‘soluzzjoni’ għall-problemi finanzjarji li numru ta’ pajjiżi kienu jiffaċċjaw qabel l-introduzzjoni tal-ewro. L-Italja biss wettqet xejn anqas minn 13 il-devalwazjoni qabel ma daħlet fl-ewro. 

It-tkabbir ekonomiku – verdett inċert.

Jekk l-ewro kienx kruċjali sabiex jiżdied it-tkabbir ekonomiku fiz-zona ewro huwa fl-opinjoni ta ħafna suġġett dibattibli. Fil verità il-medja tat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi taz-zona ewro kienet ta ftit aktar minn 2% fl-20 sena qabel l-introduzzjoni tal-munita unika. Dan jikkuntrasta ma tkabbir ta 0.7% bhala medja fl-aħħar 20 sena. Mil-banda l-oħra il-prodott gross domestiku ras għal ras żdied b’20% fl-istess żmien u laħaq kważi it-€33,000 għal kull individwu fiz-zona ewro. 

Wieħed jista’ jargumenta li t-tkabbir ekonomiku jew aħjar in-nuqqas tiegħu, fiz-zona ewro fl-aħħar snin kien effetivament kawa ta’ fatturi bħal reċessjonijiet u kriżijiet globali li jmorru lil hinn mil-ewro. 

Fil-fatt dan huwa minnhu, la l-kriżi finanzjarja tal 2008 u l-anqas il-pandemija ma kienu ikkawżati mil-munita Ewropeja. Wieħed jista wkoll jargumenta li propju grazzi għal-ewro dawn il-kriżijiet possibbilment ħallew impatt ħafna anqas aggressivi f’ċertu pajjiżi taz-zona ewro imqabbel ma x kien jiġri kieku flok l-ewro dawn kellhom il-munita tagħhom. 

L-ewro u id-dollaru fuq livell globali

Fuq dan il-binarju, l-ewro għadu ma laħaqx is-saħħa li għandhu d-dollaru Amerikan. Id-dollaru għadu meqjus bħala il-munita l-aktar b’saħħitha fuq livell globali u ma naħsibx li dan se jinbidel f’qasir żmien hekk kif l-Ewropa qiegħda kull ma jmur tara r-relevanza politika tagħha tonqos meta mqabbla ma’ potenzi emerġenti bħar-Russja u ċ-Ċina.

Illum, aktar minn 60% tal-pajjiżi u l-kumpaniji madwar id-dinja jippreferu jissellfu fid-dollaru filwaqt li 24% biss tas-self isir fl-ewro. Anke il-banek ċentrali jagħmlu l-istess. Fil-fatt 20% biss tar-riservi tal-banek ċentrali tad-dinja huma miżmumin fl-ewro kontra ftit inqas minn 60% li huma miżmumin fid-dollaru.

Mill-banda l-oħra d-distakk huwa ħafna anqas evidenti meta niġu għall-pagamenti li jsiru mill-banek. Fil-fatt hawnhekk naraw ħafna aktar bilanċ hekk kif inqas minn 45% tal-pagamenti internazzjonali jsiru fid-dollaru kontra kważi 40% li jsiru fl-ewro.

Minħabba din is-saħħa il-munita Amerikana ser tibqa’ tintuża bħala għodda – jew aħjar arma politika. Dan minħabba li sakemm kumpaniji Ewropej irridu bilfors jibqgħu jużaw id-dollaru għan-negozju tagħhom dawn se jibqgħu dejjem suġġetti għal sanzjonijiet li timponi l-Istati Uniti, anke jekk dawn imorru kontra r-rieda tal-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport