Wara l-ħafna protesti madwar l-Ewropa s-sena l-oħra, l-Ewropa bdiet tiċċaqlaq u ħarġet dokument li, probabilment għall-ewwel darba, qiegħda verament tindirizza l-problemi tal-bdiewa u r-raħħala.
Dan iddikjaratu l-Għaqda Bdiewa Attivi permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, għaqda li tippromovi l-parteċipazzjoni ta’ bdiewa attivi fuq livell reġjonali. L-istess għaqda spjegat li fl-aħħar l-Ewropa ħarġet dokument li mhux mimli ħolm u fanażiji imma li jikellem dwar fejn trid tmur l-Ewropa jekk verament trid tgħin lil bdiewa tagħha.
Fost affarijiet oħra, dan id-dokument wiegħed li mhux se jiġu tollerati prattiċi fejn il-bdiewa jkollhom ibigħu l-prodotti tagħhom bi prezz aktar baxx mill-ispejjeż biex ikabbruh u li se jkun hemm aktar trasparenza dwar kif il-konsumatur qed iħallas ċertu prezz għal ikel partikolari u l-profitti ta’ dak il-prezz fejn qed imorru (jekk hux għand il-bidwi jew għand nies ohra fil-katina tal-ikel).
F’dan id-dokument kien hemm ukoll li s-sapport finanzjarju tal- Ewropa se jkun qed jgħin aktar lil dawk il-bdiewa li huma nvoluti fil-produzzjoni tal-ikel ativament u li prodotti minn pajjiżi minn barra l-Ewropa li għandhom bexx maqtugħ mill-Unjoni Ewropea mill-Unjoni Ewropea għax instab li huwa perikoluż ħafna, mhux se jiħallew jidħlu.
Ingħad ukoll li l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tikkunsidra jekk taqtax aktar bexx mis-suq jekk ma jkunx hemm alternattivi ta’ prodotti oħrajn għal dik il-problema li l-bexx ikun qed jindirizza.
L-istess għaqda saħqet li huwa interessanti li dan id-dokument jisħaq li ‘dipendenzi fuq pajjiżi oħrajn qed isiru vulnerabilitajiet’ u allura għandna nagħtu aktar importanza għas-sovranita` tal-ikel tagħna.
Qalet ukoll; “L-Unjoni Ewropeja fl-aħħar qed tindirizza realment il-problemi tal-bdiewa tagħha. L-isforzi ta’ għexieren ta’ eluf ta’ bdiewa u raħħala li ħarġu fit-toroq tal-Ewropa kollha biex isemmgħu leħinhom beda jrendi l-frott”.
L-Għaqda Bdiewa Attivi tenniet li issa bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbai u li l-bdiewa qed jisennew u jaraw kif dawn il-wegħdi se jiwetqu fir-realtà.