…min ibati u min jimpala l-liri
Il-Portugal. Kreta. Spanja. Franza. Il-Greċja. Sqallija. L-Italja. Kollha pajjiżi li fl-aħħar jiem esperjenzaw nirien kbar. Prattikament għandha l-Ewropa qiegħda taqbad: fil-punent, fin-nofsinhar, fit-tramuntana u fil-Lvant. Nirien li qerdu żoni sħaħ. Qerda li wasslet biex ħafna nies spiċċaw litteralment rifuġjati tal-bidla fil-klima u kellhom iħallu djarhom għax spiċċaw f’periklu li jsiru irmied minn nirien. Nirien li affettwaw eluf kbar ta’ nieś. Ibda mill-arja imniġġsa kawża tad-duħħan, turisti li evakwaw u oħrajn li ddeċidew li ma jmorrux f’dawn il-pajjiżi.
U llum ħafna, inkluż xjentisti qegħdin jippontaw is-swaba lejn il-bidla fil-klima. Xi ħaġa li ilhom isemmuha. Ilna snin twal, sa mis-snin disgħin nisimgħu bil-bidla fil-klima u bil-pjani biex tkun kumbattuta.
Imma r-realtà x’inhi? It-temperaturi baqgħu għoljin, it-tniġġis baqa’ wieħed qawwi. Il-mewġiet ta’ sħana dejjem jiżdiedu u magħhom temp estrem ieħor. U waqt li qed jiġri dan, jibqa’ jkollna korporazzjonijiet multi nazzjonali li jibqgħu jimbuttaw għal miżuri li ma jikkawżawx għajr tniġġis – korporazzjonijiet li jibqgħu jimbuttaw u jiġġieldu miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-fjuwil. Sa ftit ilu stess, rajna r-riżultati finanzjarji ta’ l-istess korporazzjonijiet u dawn kollha bi profitti enormi.
U ma’ dawn imbagħad hemm il-perċimes li dejjem argumenta kontra l-bidla fil-klima. Litteralment għamel gwerra kontra dawk li jitkellmu dwar bidla fil-klima. Dan hu Donald Trump, il-President tal-Istati Uniti. U ejja ngħiduha kif inhi, issa llum quddiem dan id-diżastru kkawżat minn dawn in-nirien, u fix-xitwa danni kawżati minn maltemp estrem, il-mistoqsija li tqum hi waħda ċara: x’se jagħmlu l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea? Waqt li n-narrattiva tal-President Trump, mhi qed twassal għal xejn ħlief qerda tal-ekoloġija, l-Unjoni Ewropea, issa li milquta daqstant direttament, u ilha milquta direttament, se tibqa’ b’pożizzjoni dgħajfa fuq dan l-ekoċidju?
Jekk nieħdu Spanja naraw li nirien ingħaqdu fil-periferija ta’ Madrid, u ħolqu dak deskritt bħala “l-akbar nar fl-istorja ta’ Spanja”, li ħaraq aktar minn tliet darbiet l-ettari li s-soltu jinħarqu f’Lulju u dan sar f’mewġa oħra ta’ sħana
Mit-toroq u l-pjazez antiki ta’ Madrid, Bordeaux, Kreta, Paros, Sqallija fin-nofsinhar, sa Norveġja fit-tramuntana, l-istorja hija kważi l-istess: sajf ta’ sħana kważi insapportabbli. Sħana li għadhom mhux ippreparati għaliha u magħha imbagħad faqqgħu in-nirien. Dan fl-Ewropa. Imma l-kriżi ma laqtitx l-Ewropa biss. Rajna ukoll kif il-Kanada intlaqtet ukoll minn nirien qawwija. Madwar 240 miljun ettaru ta’ foresti fil-Kanada inħakmu minn nirien.
U kif wieġeb għal dan dak li dejjem oppona lil dawk li wissew bil-bidla fil-klima. Ma weġibx billi bagħat għajnuna lill-Kanada biex jgħinha tikkumbatti in-nirien. Wieġeb billi ppropona sanzjonijiet jew tariffi fuq il-Kanada.
U ovvjament kriżi ta’ nirien bħal din, toħloq għadd ta’ kurrenti. Il-populisti jaqbżu fuqha. Jekk jinqatgħu xi servizzi iwaħħlu fil-persuni barranin, l-istess jekk tinqata’ l-provvista tal-elettriku. Forzi politiċi jwaħħlu fil-Gvern tal-ġurnata li ma nvestiex biżżejjed fit-tifi tan-nar. Kulħadd isib skuża komda għaliha, biex jara f’min se jwaħħal u jipprova jieħu vantaġġ minn dik il-kriżi u kaos li jinħoloq.
Ejja ngħiduha kif inhi. Ix-xjenzati qegħdin jgħidulek li hi l-bidla fil-klima li ħolqot dan b’temperaturi rekord li damu jiem sħaħ. U allura quddiem dan, illum nafu li l-bidla fil-klima tinħoloq mill-karbonju li jintefa’ fl-arja. Ilu snin jingħad li għandu jitnaqqas u pjani kontra pjani. Kollox jittawwal u jiġġebbed skont l-esiġenzi tal-kumpaniji multi nazzjonali u l-‘lobbying’ li jagħmlu. Lil hinn minn dan imma dak li qiegħed jikkawża dak li qegħdin nesperjenzaw hu l-karbonju li kull pajjiż tefa’ fl-arja.
Hemm min bħal Istati Uniti ta’ Trump li tiġġieled lil dawk li jitkellmu fuq bidla fil-klima, u hemm oħrajn li ppruvaw jagħmlu xi ħaġa. Min għall-konvenjenza. Min għamel passi dgħajfin u oħrajn ippruvaw iġibu r-riżultati.
Finalment, kulħadd hu responsabbli għal din l-istraġi li assistejna għaliha. U iva, hemm min hu responsabbli aktar minn oħrajn. Nibdew minna fid-djar tagħna. Kemm noqogħdu attenti biex per eżempju niffrankaw l-enerġija. Innaqqsu l-konsum tad-dawl. Innaqqsu l-ħela ta’ ilma. Nużaw transport alternattiv. Ma naħlux ikel, għax dan ukoll joħloq pressjoni fuq l-ambjent tagħna.
M’hemmx dubju li imbagħad hemm id-deċiżjonijiet politiċi u hemmhekk hemm l-akbar responsabbilità. Deċiżjonijiet li baqgħu jaġevolaw kumpaniji multi nazzjonali. M’hemmx dubju li l-Istati Uniti, hi fost dawk bl-aktar responsabbilità. L-Istati Uniti tibqa’ wieħed mill-aktar pajjiżi li qiegħda titfa’ karbonju fl-atmosfera ras għal ras. Il-medja dinjija ta’ diossidu tal-karbonju ras għal ras hi ta’ bejn 4.5 u 5 tunnellati metriċi ta’ karbonju kull persuna, iżda l-Istati Uniti għandha rata ta’ bejn 14 u 15-il tunnellata metrika kull persuna.
Il-politika li mexxa Trump, li kienet kontra politika li tiġġieled il-bidla fil-klima, kienet tinkludi żieda fil-produzzjoni taż-żejt, faħam u gass naturali. Ma’ dan naqqas u prova jneħħi diversi regolamenti ambjentali dwar l-emissjonijiet. Irtira lill-Istati Uniti mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-bidla fil-klima. Ma dan spiss kien jesprimi dubji u naqqas l-enfasi fuq il-kunsens xjentifiku li l-attività tal-bniedem hi l-kawża ewlenija tat-tisħin globali.
Hu ċar li din il-politika tagħmilha diffiċli ħafna li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u b’hekk tiġi indirizzata l-bidla fil-klima. Hu ċar ħafna, li xi ħadd x’imkien irid jara x’se jagħmel biex lil min qiegħed ikisser l-ekoloġija dinjija, jara li jibdel ir-rotta. Illum aktar minn qatt qabel qegħdin naraw li l-gwerra kontra min jitkellem kontra l-bidla fil-klima, qiegħda ddaħħal lid-dinja f’ħajt. Il-politika Amerikana flimkien mal-pressjoni minn kumpaniji multi nazzjonali, wasslu biex żoni fid-dinja ġew infern sħiħ.
Jidher li tama li tinbidel id-direzzjoni ftit li xejn hemm. Rajna kif fl-aħħar xhur l-industrija Ewropeja u l-partiti tal-lemin tal-Ewropa baqgħu jagħmlu pressjoni biex jitneħħew jew jitnaqqsu r-regolamenti.
Illum nafu dik il-pressjoni fejn qiegħda twassalna. Wasslet għal nirien kbar. Wasslet għal falliment fl-uċuħ tar-raba’. Wasslet biex aktar minn 250,000 resident jispiċċaw refuġjati tal-bidla fil-klima. Dan waqt li l-kumpaniji taż-żejt għamlu profitti qawwijin bejn April u Ġunju. Erba’ kumpaniji kbar kellhom profitti ta’ $14.5 biljun, $12-il biljun, $9.8 biljun u $6 biljun.
Żgur li l-Unjoni Ewropea tista’ tagħmel ħafna aktar milli qiegħda tagħmel. Il-mistoqsija li tqum hi se nibqgħu mexjin f’din it-triq? Se nibqgħu nbaxxu rasna għall-politika tal-Istati Uniti u tal-kumpaniji multi nazzjonali? Se jibqgħu jkaxkru saqajhom biex l-UE tieħu azzjonijiet drastiċi? L-isforz biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima irid ikun wieħed kollettiv. Ma nistgħux nibqgħu nipposponu d-deċiżjonijiet. Ma nistgħux nibqgħu nieħdu deċiżjonijiet dgħajfin sforz pressjonijiet li jsiru. Il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima illum xegħlitilna bozza ħamra. Aktar dewmien u tkaxkir tas-saqajn, issir biss diżastri u kriżijiet ġodda fix-xhur u snin li ġejjin.

