Friday, March 7, 2025

L-EWROPA SPIĊĊAT WAĦEDHA KONTRA R-RUSSJA

Aqra wkoll

M’hemm ebda dubju li dak li seħħ fil-laqgħa bejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-President Ukren Zelinsky u l-mod kif intemmet il-laqgħa kien se joħloq battibekki u kontroversji.  Min iffoka fuq kif ġie trattat Zelinksy fil-laqgħa u l-ibbuljar li sar. Oħrajn faħħru l-kuraġġ ta’ Zelinsky għalkemm ma naqsux dawk li kkritikawh ukoll.

Li hu żgur li minn dik il-laqgħa kien Vladimir Putin li kiseb suċċess notevoli fil-gwerra tiegħu kontra l-Ukrajna. Għaliex qegħdin ngħidu dan? Għax mingħajr ma’ attakka, mingħajr ma spara missili jew ħa azzjonijiet oħra, ir-Russja żgur li tħoss li ħarġet rebbieħa minn dak ii ġara. Proprju ftit jiem wara twaqqfet l-għajnuna mill-Istati Uniti lejn l-Ukrajna.  

Fil-laqgħa, li fiha suppost ġie format ftehim li permezz tiegħu l-Istati Uniti tisfrutta l-ġid minerali ta’ l-Ukrajna għall-prezz tal-appoġġ militari tagħha fl-invażjoni tar-Russja, spikkat l-ostilità lejn Zelensky. Wieħed seta’ jinnota li din l-ostilità ġiet mill-Viċi President JD Vance. U f’din il-laqgħa li suppost ġie ffirmat ftehim, rajna aggressività, akkużi  u theddid bla preċedent u dan bejn żewġ pajjiżi li kienu alleati. Lil Zelensky qalulu ċar u tond li qed jitlef il-gwerra. Li għandu problema bl-ammont ta’ suldati. Qalulu ċar ħafna li mingħajr l-għajnuna tal-Istati Uniti ma jistax jirbaħ din il-gwerra.

Dak li seħħ wieħed jifhem li ġie kkawżat minħabba li l-Istati Uniti tixtieq tinnegozja mar-Russja, biex tinstab soluzzjoni u din il-gwerra tieqaf. Il-ftehim taħt kundizzjonijiet stabbiliti mir-Russja u fejn Trump stess qal li l-Ukrajna se jkollha taċċetta kompromessi. Wieħed ma jistax jinsa id-dikjarazzjoni ta’ Trump fil-kampanja tal-elezzjoni Presidenzjali meta kien id-dikjarazzjoni xejn realistika li jtemm dan il-kunflitt f’jum wieħed. 

U wieħed jista’ jistaqsi x’se jkunu dawn il-kompromessi? L-indikazzjonijiet li qegħdin jingħataw huma li dawn il-kompromessi  se jkunu fuq it-territorju tal-lvant fl-Ukrajna, territorju mirbuħ mir-Russi.  Imma l-Ukrajna se taċċetta dan? Tweġiba għal din mhix ċara.

Wara dak li ġara Mexxejja Ewropej  kienu pronti jesprimu l-appoġġ tagħhom għal Zelensky.  Kien biss il-Prim Ministru Viktor Orban li għażel li jirringrazzja lil Trump. 

Dan wera kemm il-qasma transatlantika hija profonda. Mhux biss imma l-mod kif Trump resaq lejn ir-Russja, l-Ewropa prattikament issa tinsab waħedha kontra r-Russja. Tinsab f’din il-pożizzjoni għax l-Ewropa baqgħet tinsisti li tarma lill-Ukrajna fl-armi. Dan biex il-kunflitt jitwal. Bl-armi lill-Ukreni kemm mill-Istati Uniti u anke mill-Unjoni Ewropea, il-kunflitt issa ilu għaddej aktar minn tlett snin. Is-sitwazzjoni hi staġnata. Bl-ebda naħa ma tagħmel avvanzi. Minkejja dan l-imwiet jibqgħu jiżdiedu.

Il-qasma transatlantika se twassal biex l-Unjoni Ewropea jkollha tonfoq flejjes kbar biex tarma lilha nfisha u biex tkompli tgħin lill-Ukrajna.  Dawn ifissru flus li se jitnaqqsu minn oqsma oħra. Deċiżjoni li tfisser li se jkunu imċaħħdin ċittadini Ewropej. Flejjes li flok se jintefqu biex jagħmlu l-ġid fis-soċjetà, biex jgħinu lil min hu vulnerabbli u qiegħed ibati, biex itejbu s-sistemi tas-saħħa u l-edukazzjoni, se jintużaw biex jiġu prodotti aktar armi. 

Hi ħasra li politiċi u burokratiċi llum fl-Unjoni Ewropea jemmnu fil-gwerer u fl-armi. Suppost tgħallmu mill-istorja. Suppost għandhom xofa x’jiġri bil-gwerer. Jidher li ma tgħallimna xejn minn dak li ġara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport