Sunday, December 22, 2024

L-FA Koreana tinvestiga l-ingaġġ tal-coach nazzjonali Jurgen Klinsmann

Aqra wkoll

Il-Pulizija nediet investigazzjoni dwar allegazzjoni li ċ-chairman tal-Assoċjazzjoni tal-Football Korean (KFA), Chung Mong-gyu, qabeż il-kompetenza tiegħu talli impjega b’mod unilaterali coach barrani għat-team nazzjonali.

Il-media Koreana rrapportat li l-pulizija tal-Korea t’Isfel jistgħu jakkużaw lil Chung b’ostruzzjoni tan-negozju talli ħatar lill-Ġermaniż Jurgen Klinsmann (ritratt) bħala coach ewlieni tat-team nazzjonali waħdu.

Preċedentement, il-Kumitat tal-Ħarsien Pub­bliku ressaq ilment kontra ċ-chairman tal-KFA.

Il-kumitat akkuża lil Chung li ndaħal fil-ħidma tal-uffiċjali tal-assoċjazzjoni, u ġiegħelhom japprovaw lil Klinsmann bħala l-coach il-ġdid tal-Korea t’Isfel.

Il-prestazzjoni fqira u xejn brillanti tal-Korea t’Isfel taħt Klinsmann ġabet ukoll kritika għal Chung.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-KFA keċċew lil Klinsmann mill-kariga wara li dan naqas milli jgħin lill-Korea t’Isfel tirbaħ it-Tazza Asjatika din is-sena. It-team tilef 2-0 kontra l-Ġordan fis-semi-finali.

Il-KFA nnotat li huwa naqas milli juri kapaċità maniġerjali u tmexxija f’oqsma li jvarjaw mit-tattiċi għall-ġestjoni tal-persunal, li laħqu l-qofol tagħhom fi ġlieda skandaluża bejn Son Heung-min u Lee Kang-in eżatt qabel is-semi-finali. L-attitudni tax-xogħol ta’ Klinsmann kienet ukoll dubitata, peress li kien jaħdem regolarment minn barra l-pajjiż minflok ma kien fil-Korea t’Isfel.

Bil-kuntratt ta’ Klinsmann għadu validu sal-2026, il-KFA trid tħallas lilu u lill-istaff tal-coaching tiegħu $7.5 miljuni f’kumpens, li rrabjat lill-opinjoni pubblika fil-Korea t’Isfel. Il-midja u l-partitarji staqsew għaliex Chung u l-KFA qablu li jħallsu lil Klinsmann salarju daqshekk għoli.

Matul il-jiem li għaddew, għadd kbir ta’ dimostranti nġabru quddiem il-kwartieri ġene­rali tal-KFA biex jitolbu r-riżenja ta’ Chung.

“L-unur tal-players sarlu ħsara minħabba li l-KFA tefgħet it-telfa (kontra l-Ġordan) fuq battibekk bejn Son Heung-min u Lee Kang-in biex tiġi evitata kritika ħarxa lejn l-assoċjaz­zjoni,” taqra stqarrija maħruġa mill-Kumitat tal-Benessri Pubbliku wara akkużi addizzjo­nali ta’ malafama kontra Chung, il-coach Klins­mann u l-viċi-chairman tal-KFA, Kim Jung-bae.

Ekonomija

Sport