Saturday, May 4, 2024

L-FDA tawtorizza t-tielet doża tal-Pfizer għal tfal bejn il-5 snin u l-11-il sena

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Amministrazzjoni tal-Ikel u l-Mediċini tal-Istati Uniti (FDA) tat l-awtorizzazzjoni għall-booster tal-vaċċin ta’ Pfizer/BioNTech għal tfal ta’ bejn il-5 u l-11-il sena mill-inqas ħames xhur wara l-aħħar mill-ewwel żewġ dożi.

Pfizer għamlet din it-talba fl-aħħar ta’ April fejn ikkwotat informazzjoni miġbura mill-istess kumpanija li wriet li t-tielet doża ta’ vaċċin żiedet l-antikorpi li jiġġieldu l-Omicron b’36 darba lit-tfal f’dawn l-etajiet.

“Filwaqt li fil-biċċa l-kbira kien il-każ li l-COVID-19 għandu tendenza li jkun inqas sever fit-tfal milli fl-adulti, il-mewġa omicron rat aktar tfal jimirdu bil-virus u jiddaħħlu l-isptar, u t-tfal jistgħu wkoll jesperjenzaw effetti fit-tul, anke f’każi ta’ mard li jibda b’sintomi ħfief,” qal il-Kummissarju tal-FDA Dr Robert Califf fi stqarrija. 

Huwa kompla biex jgħid li l-konferma tal-awtorizzazzjoni tal-użu tat-tielet doża għal tfal bejn il-5 snin u l-11-il sena biex tkompli tipproteġihom kontra l-virus.

Studji mid-Dipartiment tas-Saħħa tal-Istat ta’ New York u ċ-Ċentri għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard fl-Istati Uniti sabu li l-effettività ta’ żewġ dożi tal-vaċċin tal-Pfizer għal tfal ta’ bejn il-ħames u t-12-il sena naqset sostanzjalment matul iż-żieda fl-Omicron fejn u stmat li naqset minn 68% għal madwar 12% kontra infezzjoni. 

L-uffiċjali tas-saħħa pubblika ħeġġew lill-Amerikani biex jibqgħu aġġornati bit-tilqim tagħhom kontra l-Covid-19, inklużi d-dożi tal- booster kollha rakkomandati u ddeskrivew it-tilqim bħala l-aħjar mod biex jipproteġu lilhom infushom u n-nies ta’ madwarhom.

Sport