Illum tibda kompetizzjoni ġdida bl-isem ta’ The Maltese Cross Futsal Cup, organizzata mill-Futsal Malta Association u li se tkun qed issir sakemm ikun hemm il-waqfa mill-Enemed Futsal League minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Malti fir-round ewlieni tal-Kampjonat Ewropew tal-Futsal.
Tnax-il tim se jkunu qed jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni innovattiva fejn se jkunu maqsuma f’żewġ gruppi.
Fi grupp A hemm University of Malta Futsal, Marsaskala Legends Futsal, Swieqi United FC Futsal LEC07, Malta Matadors, LiverMalt u Col Magic Futsal filwaqt li grupp B jikkonsisti f’Ħamrun SC Futsal, AFC Super Futsal, St Andrew’s Futsal, Black Bulls Futsal, Gzira United SC Futsal u Santa Margherita Futsal.
L-ewwel żewġ timijiet minn kull grupp jgħaddu għas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni. Il-logħob se jsir fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke u fil-Padiljun ta’ De La Salle fil-Kottonera.