Monday, May 20, 2024

L-FSWS tinnota b’dispjaċir li l-ewwel vittma ta’ omiċidju fl-ewwel jiem tas-sena hija mara

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) qalet li filwaqt li għadu mhux ċar x’ġara eżatt, hija nnotat b’dispjaċir li l-ewwel vittma ta’ omiċidju fl-ewwel jiem tas-sena hija mara.

Permezz ta’ stqarrija hija qalet li l-ebda omiċidju ma huwa aċċettabbli, wisq aktar femiċidju li jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika.

F’dan il-kuntest, l-FSWS ħeġġet lil kull mara li tista’ tkun qed tgħix f’sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika biex tfittex l-għajnuna billi ċċempel 179 jew tmur fis-sit elettroniku https://fsws.gov.mt/en/Pages/ReportAbuse.aspx u tagħfas il-link REPORT ABUSE.

Intant, b’reazzjoni għal dan il-każ, bosta persuni li tkellmu fl-aħħar sigħat esprimew ix-xokk u t-tħassib tagħhom b’mod speċjali dawk fost il-komunità tan-nisa. Fost l-oħrajn mara qalet li bħala nisa hemm bżonn li jkunu protetti iktar u li spiċċaw f’biża’ kbir biex imqar imorru mixja, sew jekk dan iseħħ bil-lejl kif ukoll fid-dawl. Tkellmet dwar il-fatt li f’pajjiżna ma tistax iżżomm dak li jissejjaħ ‘pepper spray’.

Persuna oħra esprimiet it-tħassib tagħha u qalet li m’għadiex tħossha sigura daqs kemm kienet fil-passat. 

Fost dawk li qablu ma’ din il-persuna tkellmet ukoll omm li qalet li lanqas tħossha sigura mill-parkeġġ sad-dar, filwaqt li esprimiet it-tħassib tagħha minħabba l-fatt li għandha bintha adoloxxenti. 

Oħrajn iddeskrivew dan il-qtil bħala wieħed makabru u mod tassew ikrah ta’ kif bdiet is-sena l-ġdida, filwaqt li jittamaw tassew li sseħħ ġustizzja. 

Aqra iktar: Aġġornat: Malti ta’ 20 sena arrestat b’rabta mal-qtil tal-Pollakka f’Tas-Sliema

Sport