Saturday, May 4, 2024

“L-għajnuna mill-Gvern issa se tiffoka biex jerġa’ jibda jirranka l-konsum” – Il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Minn Melvin Farrugia

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li filwaqt li l-ewwel miżuri ta’ għajnuna kienu intenzjonati biex isalvaw l-impjiegi u jgħinu lin-negozji, issa l-miżuri li se jittieħdu se jenfasizzaw aktar fuq li jerġa’ jibda jirranka l-konsum. 

F’intervista esklussiva ma’ dan is-sit, il-Prim Ministru spjega kif l-għan tal-ewwel miżuri ta’ għajnuna kienu li jsalvaw l-impjiegi, fejn ġie sostnut id-dħul ta’ aktar minn 100,000 ħaddiem. Semma kif barra dawk li baqgħu jirrapportaw għax-xogħol, ingħata wkoll sostenn lill-persuni b’diżabilità, lill-ġenituri u lill-persuni vulnerabbli li f’din is-sitwazzjoni qed jibqgħu d-dar. 

Semma wkoll kif fl-istess ħin ingħatat likwidità lil eluf ta’ negozji billi l-Gvern mhux jiġbor taxxi, organizza li l-banek jagħtu moratorju fuq djun eżistenti u joħorġu djun ġodda prattikament mingħajr imgħax. Spjega kif dan kien bżonnjuż ħalli nkunu f’pożizzjoni li wara li tiġi kkontrollata l-imxija, inkunu nistgħu ntellqu fl-ekonomija. 

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru qal li issa filwaqt li nżommu s-sostenn irridu nibdew nibdlu l-enfasi għal għajnuna biex jerġa’ jibda jirranka l-konsum. Qal li jekk il-flus li investejna fil-ħaddiema u fin-negozji tagħna se jibqgħu reqdin, allura ma jkunx faċli li noħorġu minn ċirku vizzjuż fejn ikollna bżonn inkomplu nagħtu sostenn ġdid kull xahar. Minflok qal li jekk il-ħaddiema u n-negozji jibdew jonfqu, terġa’ titlaq l-ekonomija u bil-mod il-mod is-sostenn li ngħata fl-aħħar xhur ma jibqax ikun hemm bżonnu. 

Gvern li se jgħin fl-istadji kollha

Mistoqsi dwar x’miżuri mistennija jittieħdu, Robert Abela qal li bħalma l-Gvern kien mal-ħaddiema u man-negozji fl-ewwel stadju ta’ din l-isfida bla preċedent, hekk se jkun hemm għall-istadji kollha sakemm nerġgħu nsiru l-ekonomija Ewropea bl-ogħla tkabbir. 

Spjega li l-Gvern qiegħed jikkonsulta mal-isħab soċjali b’mod kontinwu, fejn fl-aħħar ġimgħat kompla jniedi skemi ġodda – fosthom għajnuna fuq kirjiet għall-industrija u għal kumpaniji li jibdew jipproduċu prodotti relattati mal-ġlieda kontra l-COVID-19. 

Tenna li n-natura tal-għajnuna se tinbidel bil-mod, skont l-esiġenzi tas-settur u n-negozju partikolari. Qal li għal xi setturi, minflok sussidji għall-pagi se jmorru għal għajnuna biex ikunu koperti spejjeż ġodda u antiki. Għal setturi li għandhom opportunitajiet ġodda, qal li l-enfasi se tkun fuq għajnuna biex dawn jinvestu u jkollhom ħaddiema mħarrġa. 

Fuq kollox, il-Prim Ministru qal li bħalma sar fl-2013 meta l-familji u n-negozji riedu nifs ħalli jitilqu jiġru, hekk se jerġa’ jsir issa u dan b’saħħa akbar minn dakinhar, għax il-Gvern mexxa bil-galbu u għandu spazju fiskali – il-famuż warchest – li se jinvesti fl-ekonomija ta’ pajjiżna. 

Mistoqsi dwar kemm se jkun possibbli li l-Gvern jibqa’ jgħin, Abela qal li dan hu l-aktar Gvern fl-istorja ta’ pajjiżna b’sitwazzjoni finanzjarja tajba. Qal li rnexxielna nnaqqsu l-piż tad-dejn nazzjonali bin-nofs għall-inqas rata f’ġenerazzjoni. Semma li ġew imfaddlin mijiet ta’ miljuni f’fond għall-iżvilupp nazzjonali u soċjali u barra hekk, peress li rdoppjajna l-ekonomija, il-familji u n-negozji għandhom livell ta’ tifdil rekord, l-ekwivalenti ta’ aktar minn sena u nofs ġid nazzjonali. 

“Ebda sfida ta’ likwidità… imma ma rridux nibqgħu weqfin”

Spjega kif fl-aħħar xhur dan wassal biex kull meta l-Gvern kellu bżonn jissellef, sab domanda għall-istokks tal-Gvern ferm ogħla milli kellna bżonn. Għalhekk qal li l-isfida li qed niffaċċjaw f’pajjiżna mhijiex ta’ likwidità. Qal li għandna r-riżorsi biex ngħinu iżda sostna li ma nistgħux nibqgħu weqfin. 

Qabbel dan ma’ karozza u qal li din tista’ tħalliha wieqfa għal ftit, imma jekk ma tiħux ħsieb li tużaha malajr, imbagħad issib li din ma tibqax taħdem. Qal li l-istess l-ekonomija, jekk il-ħaddiema jibqgħu weqfin ħafna se jitilfu l-ħiliet. Bl-istess mod, jekk l-edukazzjoni u t-taħrig jibqa’ wieqaf, fil-futur se jkollna ġenerazzjoni li se tbati. 

Kompla jispjega li ngħixu f’dinja kompettitiva u jekk aħna nibqgħu wieqfa u magħluqin, filwaqt li ħaddieħor ikun miftuħ, allura se nitilfu x-xogħol u nitilfu l-kompetittività. Saħaq li mhux talli ma nattirawx investiment dirett ġdid, talli dak li għandna jiġi f’riskju. Għalhekk qal li rridu nifhmu li l-aqwa għajnuna hi li ndaħħlu idejna fil-but, min jista’, u nonfqu fuq prodotti u servizzi, speċjalment dawk Maltin u Għawdxin. Qal li l-ekonomija tgħallimna li kull ewro li tonfoq bil-galbu, dan se jiġi lura għandek għax lil min tħallas hu stess jonfoq u dak l-infiq jiffinanzja d-dħul tiegħek mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, hu qal li jekk kulħadd irekken il-flus, kulħadd jispiċċa fejn hu għax il-flus tiegħu ma jikbrux.    

Naspiraw li nkunu l-aktar Gvern diġitali fid-dinja

Mistoqsi dwar liema huma dawk is-setturi li rridu ninvestu fihom, il-Prim Ministru qal li fl-aħħar snin l-ekonomija tagħna spikkat fis-servizzi diġitali. Semma kif ħafna minn dawn, fosthom l-igaming, baqgħu għaddejjin, jekk mhux anke kibru minkejja l-pandemija. 

Għalhekk qal li hu importanti li nkomplu nsostnu dan l-iżvilupp u nsiru ekonomija diġitali. Minbarra l-element qawwi ta’ innovazzjoni li din tinvolvi, semma wkoll li din toffri flessibilità akbar għaż-żgħażagħ tagħna. Fl-istess ħin, qal ukoll li ekonomija diġitali hi waħda favur l-ambjent, fejn ma jkollniex bżonn ħafna riżorsi għax hi ekonomija ta’ valur miżjud qawwi. 

F’dan ir-rigward, Abela qal li hu jemmen li l-Gvern se jkun kruċjali f’din it-trasformazzjoni. Qal li l-viżjoni tiegħu hi li nkunu l-aktar Gvern diġitali fid-dinja, b’qalba minn sistemi tas-snin disgħin għall-aktar sistemi moderni preżenti. Barra minn hekk, qal li hu jemmen b’konvinzjoni li ma hemmx konflitt bejn l-ekonomija u l-ambjent. Saħaq li l-ħarsien tal-ambjent hu l-akbar opportunità ekonomika ta’ din il-ġenerazzjoni, fejn nadottaw sistemi ta’ enerġija alternattiva; nużaw aħjar ir-riżorsi – sa anke dak li llum insejħulu skart; u nibnu sistemi ta’ trasport sostennibli. Qal li dawn kollha huma setturi li jistgħu joħolqu ġid ekonomiku kbir, minbarra ambjent aħjar. 

Il-Prim Ministru qal li fiż-żewġ każi, l-ekonomija diġitali u l-ekonomija l-ħadra, il-pandemija wriet kemm hu importanti li naħdmu b’aktar ħeġġa f’dan ir-rigward. Qal li hu jemmen ukoll li l-isfida ekonomika tal-COVID-19 uriet kemm hu bżonnjuż li jkollna ekonomija diversifikata u għalhekk qal li għandna bżonn inkomplu nkunu innovattivi u nfittxu investiment dirett ġdid. 

Fl-istess ħin, qal li hu jaħseb li l-pandemija wriet kemm hu sors qawwi ta’ stabilità s-settur tal-manifattura. Għalhekk qal li hu ta’ prijorità għal dan il-Gvern li l-qasam industrijali jissaħħaħ u jiġu attirati aktar żgħażagħ lejn il-fabbriki tagħna – li llum saru l-ekwivalenti ta’ laboratorji avvanzati u fejn wieħed isib impjiegi ta’ kwalità. 

Ebda trade-off bejn is-saħħa u l-ekonomija

Mistoqsi dwar kif se jkomplu jiġu rilaxxati aktar miżuri bl-aktar mod kawt,  il-Prim Ministru qal li ħadd fil-Gvern ma jemmen li hemm xi trade-off bejn is-saħħa u l-ekonomija. Qal li fir-realtà dawn huma l-istess ħaġa u għalhekk dawk li qed jipprovaw joħolqu din id-distinzjoni mhumiex ikunu razzjonali. 

Spjega kif meta l-Ġreċja kellha riċessjoni qawwija, l-aktar li batiet kienet is-saħħa. Semma li fi ftit snin l-ispiża fuq is-saħħa naqset b’40% u l-healthy life expectancy naqset minn 67 għal 64. Għalhekk qal li jekk l-ekonomija tieqaf, is-saħħa tieqaf magħha u vice versa. 

Għaldaqstant, Abela qal li d-deċiżjonijiet fuq is-saħħa u fuq l-ekonomija qegħdin jittieħdu fi ħdan strateġija waħda – dik li nerġgħu nġibu lil pajjiżna f’normalità ġdida. Saħaq li dan hu Gvern li emmen fl-ekonomija, u għax kellna suċċess qal li stajna nirdoppjaw l-ispiża fuq is-saħħa.

Sostna li kien għalhekk li kellna suċċess fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u għalhekk li aħna l-pajjiż fl-Ewropa bl-inqas perċentwal ta’ dawk li mietu jew baqgħu f’qagħda serja wara li qabdithom il-Coronavirus. Abela qal li maħniex se nitilfu dan it-titlu u se nkunu suċċess kemm fl-ekonomija kif ukoll fis-saħħa. 

Il-kwistjoni dwar il-ftuħ tal-ajruport

Inewsmalta staqsiet ukoll dwar il-kwistjoni li qiegħda tissemma dwar il-ftuħ tal-ajruport. Il-Prim Ministru qal li dejjem qal li biex inkunu nistgħu niftħu l-ajurport u l-portijiet tagħna, allura rridu nkunu kapaċi nibqgħu nħarsu s-saħħa kemm tal-poplu tagħna kif ukoll ta’ min iżurna. Sostna li l-Gvern wera galbu kull meta ħabbar restrizzjonijiet u se jagħmel l-istess meta se jiftaħ. 

Madanakollu, hu qal li din hi deċiżjoni li ma tistax tibqa’ tiġi posposta indefinittivament u lanqas ma nistgħu nkaxkru saqajna żżejjed. Qal li nkella nissugraw li nitilfu għal dejjem niċeċ ta’ turiżmu anke fil-kuntest li pajjiżi oħra qegħdin jiftħu l-ajruporti tagħhom għat-turiżmu. Fakkar li t-turiżmu minn dejjem kien, għadu u jrid jibqa’ pedina kruċjali fl-ekonomija tagħna. 

Anke fir-rigward tal-ftuħ tal-fruntieri, li tenna li hi deċiżjoni li ma tistax tiġi posposta fit-tul, qal li se jkun hemm bżonn protokolli ġodda. Spjega li l-istess bħalma li tmur f’ristorant issa hu ftit differenti minn kif kont tmur tliet xhur ilu, anke jekk għal perjodu tranżitorju, hekk ukoll se tkun l-esperjenza tal-ivvjaġġar. 

Bżonn li nibqgħu magħqudin għal għan wieħed

Il-Prim Ministru qal li minn dan kollu joħroġ il-bżonn li nibqgħu magħqudin flimkien bħalma konna waqt din l-isfida. Sostna li dan jista’ jkun l-akbar legat ta’ dan iż-żmien u qal li kien ilu ħafna ġenerazzjonijiet li l-poplu tagħna ngħaqad flimkien għal għan wieħed, forsi minn meta konna ddeċidejna li nsiru Repubblika b’rajna f’idejna. 

Abela qal li l-għaqda ma tfissirx li ma jkunx hawn dibattitu jew nuqqas ta’ qbil dwar deċizjonijiet partikolari. Qal li l-għaqda tfisser li nifhmu li l-aħna hu akbar mill-jiena, li nfitxxu l-ġid ta’ pajjiżna qabel ma nfittxu dak tagħna personali. 

Semma kif fl-eqqel tal-pandemija rnexxielna nwettqu Patt Soċjali Ġdid u għalhekk staqsa x’nistgħu nagħmlu lkoll flimkien la jgħaddi dan iż-żmien. Minbarra l-għaqda, Abela qal li punti importanti oħra huma li nitgħallmu nżommu dak li ħareġ tajjeb mill-pandemija. Fost l-oħrajn, semma kif għal ħafna li kienu għaddejjin bla waqfien għal ħafna snin, kellhom ċans jieqfu u jirriflettu kif jistgħu jtejbu l-ħajja u n-negozju tagħhom. Importanti wkoll, qal li rridu nifhmu li ma hemmx bżonn nibqgħu daqshekk marbutin mal-modi tradizzjonali ta’ kif naħdmu u noperaw. Fir-realtà qal li bi ftit ħsieb nistgħu nnaqqsu l-impatt ambjentali tagħna.

Pajjiżna qed jipparteċipa fir-riċerka għall-vaċċin

Finalment, staqsejna wkoll dwar il-fatt li biex neħilsu minn dan il-virus hemm bżonn li nsibu l-vaċċin u x’qed isir minn pajjiżna f’dan ir-rigward. Abela qal li pajjiżna qed jaħdem fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex inkunu parteċipi fir-riċerka għall-vaċċin. Qal li dan jagħmilna parti mill-akbar komunità xjentifika fid-dinja. 

Barra hekk, qal li rridu nfakkru r-relazzjoni ferm tajba li għandna ma’ nazzjonijiet oħra barra l-Ewropa, fost l-oħrajn iċ-Ċina, minn fejn qed jirnexxielna nġibu ħafna apparat mediku qabel pajjiżi ferm akbar minnha. Qal ukoll biex ma ninsewx il-kapaċitajiet lokali tagħna. Semma s-settur farmaċewtiku tagħna u diversi fabbriki li jispeċjalizzaw f’apparat mediku, li mhux talli ma naqqsux l-attività talli qed jimpjegaw mijiet aktar u saħansitra qed jesportaw ħafna lejn l-UE u lejn ir-Renju Unit. 

Fl-istess ħin, Abela qal li l-Gvern Malti hu kommess li jkompli jżid l-ispiża fuq is-saħħa kemm hemm bżonn ħalli jibqa’ jkollna suċċess fil-ġlieda kontra l-pandemija. Dan filwaqt li qal li anke qegħdin nagħtu kontribut finanzjarju biex il-COVID-19 tiġi mirbuħa wkoll fil-pajjiżi inqas sinjuri minnha.  

Dwar l-investimenti li se jkompli jagħmel fil-qasam tas-saħħa, il-Prim Ministru qal li l-ewwel prijorità se tkun li l-Gvern ikompli jirrekluta professjonisti fil-qasam. Semma kif pajjiżna kien l-aktar li żied il-proporzjon ta’ infermiera minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE fl-aħħar snin u qal li dan se jkompli. 

Qal ukoll li l-Gvern se jagħmel minn kollox biex aktar żgħażagħ tagħna jersqu lejn is-settur tas-saħħa, fejn qal li t-tfal tagħna jitrawmu jħarsu b’ammirazzjoni lejn il-vokazzjoni medika u nkomplu nkunu nazzjon bi tradizzjoni medika ta’ suċċess. 

It-tieni prijorità qal li se tkun li nagħtu appoġġ lil dawk l-industriji li jinvestu fil-produzzjoni ta’ apparat mediku. Semma kif diġà ġew allokati madwar €11.5 miljun għal dan il-għan u se jkomplu jiġi sostnut dan is-settur bil-qawwi fix-xhur u s-snin li ġejjin. Abela qal li hu jemmen li għandna l-kapaċità li nsiru ċentru ta’ eċċellenza f’dan il-qasam. 

It-tielet prijorità qal li se tkun li nwettqu bidla neċessarja fl-operat u fil-ħajja ta’ kuljum, ħalli jonqos ir-riskju ta’ infezzjonijiet. Semma li ddaħħlu protokolli u għandna sistemi ta’ contact tracing tajbin, iżda jemmen li hu possibli li ntejbu anke aktar, speċjalment permezz ta’ innovazzjonijiet diġitali. Qal li hu jemmen li jeżistu opportunitajiet għal pajjiżna, anke bħala investiment dirett barrani u għalhekk il-Gvern se jkompli jsostni lil dawk in-negozji li qed jibdlu l-operat tagħhom, fost l-oħrajn billi jużaw teleworking u jdaħħlu miżuri oħra li jillimitaw l-imxija. 

Fuq kollox, Robert Abela qal li għandna nkunu kburin bis-suċċess li kellna f’pajjiżna. Saħaq li rnexxielna nillimitaw għall-minimu dawk li ġew nieqsa waqt li kellhom ukoll il-COVID-19, kif ukoll inżamm fil-minimu n-numru ta’ dawk li kellhom imorru fil-kura intensiva. Qal li wettaqna miraklu mediku u issa wasal iż-żmien li nwettqu miraklu ekonomiku.  

Sport