Sunday, December 22, 2024

L-għannej Frans Baldacchino jingħata Ġieħ ir-Repubblika 17-il sena wara mewtu

Aqra wkoll

Sbatax-il sena wara mewtu l-għannej Frans Baldacchino, magħruf bħala l-Budaj, ingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Baldacchino, li kellu 63 sena, kien wieħed mill-għannejja ewlenin tal-mużika folkloristika tradizzjonali Maltija.

Sa minn età żgħira huwa kien wera ċerta mħabba għal dan l-istil ta’ mużika u poeżija u ta’ 12-il sena, qabel emigra lejn l-Awstralja, kien diġà jinterpreta kanzunetti folkloristiċi Maltin.

Huwa malajr żviluppa versatilità kemm fil-canta storie kif ukoll fiċ-ċikli msemmija bħala spirtu pront.

Il-Budaj introduċa l-poeżija fl-istil uniku tiegħu stess tal-għana fejn biddel it-twemmin li din it-tip ta’ kitba hija biss skambju ta’ insulti b’mod ritmiku. Dan wassal sabiex ikanta quddiem diversi udjenzi, anke fil-Knisja.

Għalkemm l-għana kienet il-passjoni tiegħu, minn età żgħira ħafna, Baldacchino kien iħobb ukoll l-opra u l-mużika klassika.

Baldacchino kellu talent kbir fil-poeżija li tgħallem waħdu u saħansitra ppubblika l-ktieb, “L-Imrieżaq ta’ Moħħi”.

Fl-1992, flimkien mal-ħabib tiegħu Karmenu Bonnici, magħruf bħala il-Baħri, Baldacchino ħadem fuq album Franċiż “Ballades et joutes chantées”, li għamel l-istorja bħala l-ewwel album talgħana fuq CD.

Il-Budaj huwa parti mill-istorja ta’ Malta hekk kif għolla l-għana popolari minn dik li darba kienet titqies bħala sempliċi divertiment għal-livell ogħli tal-kultura Maltija.

Ekonomija

Sport