Saturday, December 21, 2024

L-GĦAQDA FUQ IN-NEGATTIVITÀ

Aqra wkoll

Issa li l-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej ikkargat sew, tant li jonqos ftit inqas minn ġimagħtejn għal dan l-appuntament elettorali, ix-xejra f’dak li għandu x’jaqsam ma’ appoġġ bejn iż-żewġ partiti jidher li ma nbidlitx wisq.

Anzi, minn stħarriġ ieħor li sar mill-gazzetta oħt – it-Torċa, jirriżulta li l-Partit Laburista kompla jżid id-distakk fuq il-Partit Nazzjonalista. Id-distakk bejn iż-żewġ partiti issa huwa ta’ 10.7% favur il-Partit Laburista, li tfisser żieda ta’ 0.6% fuq l-istħarriġ ippubblikat fit-12 ta’ Mejju li għadda.

Dan kollu juri kemm għal darba oħra, il-messaġġ li qiegħed iwassal il-Partit Laburista f’din il-kampanja, tal-viżjoni li għandu għall-Kunsilli Lokali u anke fl-Ewropa, qiegħed tassew jintlaqa’ mill-maġġoranza tal-poplu. Min-naħa l-oħra, għandek Partit Nazzjonalista li reġa’ ma kiseb l-ebda “inroads” u tista’ tgħid baqa’ fejn kien.

Forsi għaliex in-nies qed jaraw li l-messaġġ li qed iwassal il-PN, anke b’ċertu dikjarazzjonijiet bħal “gwerra qaddisa”, mhu qed iwassalhom imkien f’din il-kampanja elettorali? Forsi mhumiex kuntenti bit-tmexxija tal-kap tagħhom?

Nemmnu li n-nies għaqda jridu jaraw u mhux negattività, kif ukoll proposti konkreti li bihom ikunu aġevolati l-pensjonanti, il-ħaddiema u anke dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà tagħna. Dan huwa l-messaġġ li għandu jasal għand kulħadd u l-Partit Laburista, ta’ kuljum, qiegħed jaħdem f’dik id-direzzjoni.

Nemmnu wkoll li l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar materji u realtajiet politiċi li jsiru minn żmien għal żmien jista’ jservi ta’ kejl tal-ħidma u l-politika tal-gvern u tas-sentimenti tal-poplu dwar jekk ikunx kuntent b’dak li sar jew qed isir. Huwa wkoll kejl ta’ jekk il-poplu jkunx għamel għażla tajba meta vvota biex jeleġġi partit fil-gvern għax fl-aħħar mill-aħjar kull deċiżjoni ta’ gvern ikollha, tajjeb jew ħażin, impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Ma ninsewx ukoll li s-sehem tal-elettorat fil-proċess demokratiku huwa kruċjali, għaliex huwa propju dan il-proċess li jagħtu vuċi lill-poplu fl-għażla li jagħmel dwar min irid imexxih fis-snin sussegwenti.

Jekk xejn imma, l-aħħar istħarriġ reġa’ kkonferma li l-Parit Laburista, li għadu moviment b’saħħtu u għadu jgawdi vantaġġ konsiderevoli fuq il-Partit Nazzjonalista, kemm fil-livell ta’ partiti u anki bejn il-mexxejja.

F’dan ix-xenarju, hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, jeħtieġ li l-partiti kollha ikomplu jwasslu l-messaġġ b’aktar ħeġġa biex jinkoraġġixxu aktar nies jieħdu sehem fil-proċess demokratiku għax wara kollox bil-vot tiegħu l-poplu jkun qed jiddetermina l-futur tiegħu stess.

Ekonomija

Sport