“L-għaqda tkompli timmotivana ‘l quddiem għaliex meta jirbaħ il-Partit Laburista, tirbaħ Malta u Għawdex kollha kemm hi. Allura lil Bernard Grech ngħidulu u l-Partit Nazzjonalista, tipprovax tgħabbina b’dak illi għandek f’darek. Aħna bejnietna tirrenja l-għaqda u tirrenja fl-aħħar mill-aħħar l-ambizzjoni illi nkomplu mmexxu u nimbuttaw il-ġid favur il-familji”
Dan iddikjarah id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba waqt attività politika ġewwa ċ-Ċentru Laburista tan-Naxxar. Agius Saliba irrimarkka li lilu u lil Prim Ministru għandu jgħaqqadhom il-konvinzjoni tal-prinċipji illi sawwru dan il-partit, fosthom dawk tan-newtralità, il-prinċipju tan-non-aneljament u l-prinċipju tad-djalogu.
Saħaq illi Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista għandhom inkonsistenza, fosthom il-fatt li din il-ġimgħa kellhom opportunità oħra, foshom dawk taż-żewġ voti fil-Parlament Ewropew dwar il-white paper tad-difiża illi ddur dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew biex dan jinbidel minn wieħed ta’ paċi u dikkonomika għal dak militari.
Saħaq Gvern Laburista se jibqa’ jiddefendi n-newtralità ta’ pajjiżna u l-prinċipji li jidentifikawna bħala Laburisti u Soċjalisti.
Sostna li l-prinċipji li wellidhom Dom Mintoff baqgħu jissaħħu minn kull mexxej Laburista u se jibqa’ jsir dan anke minn Robert Abela.
Agius Saliba temm jgħid li f’dan l-ambitu, fil-jiem li ġejjin, il-Partit Laburista se jiċċelebra bil-kbir Jum il-Ħelsien b’numru t’attivitajiet fosthom esebizzjoni, dokumentarju, diskussjoni u programmi fuq l-istazzjonijiet ONE, li jilħqu l-qofol tagħhom biċ-ċerimonja tradizzjonali tal-Ħelsien fil-Birgu l-Ħadd 30 ta’ Marzu.