Thursday, December 26, 2024

L-għażla hija ċara favur lokalitajiet isbaħ u aktar b’saħħithom u x’tip t’Ewropa rridu

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tenna fiduċja sħiħa fi Chris Fearne għaliex huwa bniedem integru u l-kapaċitajiet tiegħu jafhom kulħadd. F’attività politika f’Santa Venera, Dr Abela nnota kif Fearne huwa rikonoxxut internazzjonalment. Il-Prim Ministru sostna kif wara li ġie misluf il-fiduċja biex imexxi lill-Partit Laburista, ftit wara pandemija laqtet lil Malta, sab bniedem li kien dejjem ta’ spalla u dak kien Chris Fearne.

Quddiem folla sabiħa li nġabret, il-Prim Ministru qal li llum il-pajjiż tilef persuna integra u li kien dejjem hemm għal poplu. Dr Abela reġa’ nnota l-kuntest tat-timing elettorali ta’ inkjesta maġisterjali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Innota l-fatt li l-inkjesta ġiet sottometta lill-Avukat Ġenerali fil-mument li fetħu n-nominazzjonijiet għall-kandidatura fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju ġej. Dan apparti l-kuntest li fix-xhur li għaddew, il-Prim Ministru kien tkellem li kellu informazzjoni li l-għeluq jekk mhux ukoll il-kontenut tal-inkjesta kienx maħsub biex jinfluwenza dak li qegħdin fih bħalissa u dak li jrid jiġri fit-8 ta’ Ġunju li ġej.

Huwa għalhekk li l-Prim Ministru qal li l-poplu jrid jagħmel għażla bejn iħalli lill-establishment jikkastiga lil min ta u baqa’ jagħti sal-aħħar mument servizz lil poplu jew jagħżel is-sovranità li jagħżel hu lil min jixtieq imexxih. “Jekk mhux lest il-poplu jħalli lill-establishment isawwat u jikkastiga lil min ċaħdu mid-dritt divin li jħoss li għandu li jiggverna lil dan il-pajjiż”, żied jgħid Dr Abela. Il-Prim Ministru qal li jħares ’il quddiem li l-proċeduri kontra Fearne jingħalqu u forsi hemm il-pajjiż jgħid kemm it-telfa kienet ikbar.

Id-diskussjoni kompliet b’diversi interventi fuq temi differenti, fosthom dwar inġustizzji passati, fejn il-Prim Ministru wieġeb li Gvern Laburista ra li fejn kien hemm inġustizzji jagħti ġustizzja. Semma li riċentament il-Gvern reġa’ ħabbar skemi ġodda biex ikompli jindirizza anomaliji tal-imgħoddi.

Dwar is-suq tal-kera, Dr Abela tenna li llum għandna settur tal-akkomodazzjoni u suq tal-kera stabbli u trasparenti u li l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jsaħħaħ dan is-suq filwaqt li jipproteġi d-drittijiet tal-partijiet kollha involuti. Huwa semma li fl-aħħar snin Gvern Laburista kompla jsaħħaħ il-benefiċċju tal-kera u ta diversi għajnuniet biex wieħed ikun jista’ jsir sid ta’ daru, fosthom l-għotja ta’ €10,000 lill-first-time buyers, l-iskema ta’ New Hope, l-Equity Sharing, u l-iskema tal-ħruġ mill-Gvern tal-10% depożitu, fost diversi miżuri oħra.

Meta kien qed jitkellem fuq l-istipendji, il-Prim Ministru spjega r-riforma li qed issir fejn matul it-tliet snin akkademiċi li ġejjin se jiddaħħlu gradwalment ’il fuq minn 46 kors fejn se jiżdied b’mod sostanzjali l-istipendju għal dawn il-korsijiet partikolari. Tenna li b’din ir-reviżjoni, apparti li se jgawdu minnha l-istudenti, se jgawdi minnha pajjiżna għaliex b’hekk qed jissaħħu l-ħiliet meħtieġa għas-suq tax-xogħol. Dr Abela semma wkoll il-kors ġdid tal-veterinarji li se jkun qed jiġi offrut għall-ewwel darba f’pajjiżna mill-MCAST fl-Isptar tal-Annimali f’ Ta’ Qali. 

Dwar l-istabbiltà fil-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel essenzjali għall-familji, Dr Abela tenna li din l-inizjattiva se tkompli sal-Budget li ġej u saħaq li jekk ikun hemm bżonn terġa’ tiġi estiża.

Fuq l-isport, il-Prim Ministru semma l-inizjattivi li qed jieħu l-Gvern sabiex ikompli jippromwovi l-importanza tal-attività fiżika, inkluż minn età żgħira, u anke sabiex iċ-ċittadini jipparteċipaw aktar f’attivitajiet sportivi u fiżiċi. Semma uħud mill-proġetti mwettqa bħall-Pixxina fil-Kumpless ta’ Bormla, il-Marsa Sports Hub, ir-rijabilitazzjoni ta’ grawnds sportivi fl-iskejjel. Dr Abela semma wkoll li l-Gvern qed ikompli x-xogħol fuq iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport f’Ħal Far.

“Fit-8 ta’ Ġunju hemm deċiżjonijiet ċari li kull wieħed irid jieħu. Jekk aħniex se nibqgħu mexjin f’din it-triq tas-suġġetti li tħaddidna llejla, nindirizzaw ir-realtajiet tan-nies u naġixxu dwarhom, jew aħniex se nħallu dak l-establishment illi kif smajna ħoloq inġustizzji mal-poplu, ħoloq piżijiet fuq il-poplu. L-għażla hija ċara, għażla favur lokalitajiet isbaħ, lokalitajiet aktar b’saħħithom, x’tip t’Ewropa rridu”, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Ekonomija

Sport