Waslet edizzjoni oħra ta’ Mużika Mużika – wieħed mill-akbar festivals lokali organizzat minn Festivals Malta li jiċċelebra l-mużika Maltija. Il-Ħamis li ġej, 16-il artist lokali se jitilgħu fuq il-palk grandjuż ta’ Mużika Mużika, fejn se jippreżentaw il-kanzunetti tagħhom għall-ewwel darba. Issa fil-ħames edizzjoni tiegħu, Mużika Mużika huwa magħruf għall-ispettaklu ta’ livell għoli li jsir fuq tliet serati: L-Ewwel Serata, is-Serata tal-Klassiċi, u s-Serata Finali.
Din is-sena, l-Ewwel Serata tal-festival mhux se tinkludi fażi eliminatorja. Minflok se ssir votazzjoni li hija esklussivament miftuħa għall-membri tal-udjenza permezz ta’ app dedikata bl-isem ta’ ‘Mużika Mużika: Il-Vot tas-Sala’. Il-voti miġbura minn din l-app, ser jiġu mgħaduda mal-voti tas-Serata Finali li se jsir permezz tat-televoting, fejn il-vot totali se jiddetermina r-rebbieħ tal-ħames edizzjoni tal-festival.
Il-membri tal-pubbliku li se jkunu qed jattendu għas-serata tal-Ħamis 27 ta’ Marzu huma mħeġġa li jniżżlu l-App billi jsegwu l-istruzzjonijiet provduta fuq il-biljetti tagħhom. Minn hemm, wieħed jista’ jirreġistra l-vot tiegħu minn qabel biex ikun ippreparat għall-votazzjoni tal-Ħamis. Ir-reġistrazzjoni tal-Vot tagħlaq il-Ħamis stess, fit-8:30 ta’ filgħaxija.
Waħda mis-serati l-aktar popolari mas-segwaċi tal-Festival, hija s-Serata tal-Klassiċi. Din il-lejla mhux kompetittiva tieħu s-segwaċi tagħha lura fil-passat permezz ta’ diski ikoniċi li jagħmlu parti importanti mill-wirt mużikali ta’ pajjiżna. Aspett li jispikka f’din is-serata partikolari huwa l-fatt li l-artisti li qed jikkompetu fil-festival jiġu akkumpanjati minn diversi kantanti popolari li din is-sena jinkludu artisti bħal Frank O’Neill, Joe Carr, Catherine Vigar, Augusto Cardinali, Thea Garrett, Amber, Mary Spiteri u ħafna oħrajn.
Din is-sena se jkunu qed jieħdu sehem ukoll The Tenors, bħala mistiedna speċjali fis-serata tal-Finali, s-Sibt 29 ta’ Marzu. The Tenors, huma grupp ta’ fama internazzjonali magħrufa għall-vuċi distinta tagħhom. Bi stil li jgħaqqad il-klassiku mal-pop, folk u r-rock The Tenors jirnexxilhom jagħtu interpretazzjoni differenti ta’ kanzunetti klassiċi bħal “The Prayer”, “Nessun Dorma”, “Forever Young”, u “Hallelujah”, fost oħrajn.
Il-preparamenti għal Mużika Mużika issa laħqu l-qofol tagħhom, b’ħidma li tinkludi xhur twal ta’ preparazzjoni minn qabel. Bħalissa, it-tim ta’ Festivals Malta qed jaħdem fuq l-aħħar elementi loġistiċi li jinkludu provi tad-dawl u l-mużika orkestrali, preparamenti tal-palk, koordinazzjoni tal-produzzjoni, u ħafna elementi oħra li jikkulminaw fil-produzzjoni tal-ogħla livell li tiġi ppreżentata fuq it-tliet serati.
Mużika Mużika se jittella’ bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu 2025 fl-MFCC, Ta’ Qali. Il-festival se jkun qed jixxandar ukoll fuq TVM, b’mod dirett. Għal aktar informazzjoni u għall-biljetti wieħed għandu jżur www.muzikamuzika.mt.
Mużika Mużika huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru Għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.