Wednesday, April 24, 2024

L-HSBC mmultata €5000 għat-tieni darba fuq ksur tad-data ta’ eks-impjegat tagħha stess

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’deċiżjoni ppubblikata fil-25 ta’ Settembru li għadda, il-Kontrollur għall-Protezzjoni tad-Data u l-Informazzjoni mmulta lill-HSBC Malta multa amministrattiva ta’ €5000, wara li nstab ħati li kiser id-drittijiet fundamentali ta’ impjegat tiegħu li kien ukoll rappreżentant trejd-unjonistiku fi ħdan il-kumpanija.

Il-każ imur lura għat-22 ta’ Frar tal-2019, meta l-impjegat Mark Muscat kien akkuża lill-bank bi ksur tad-drittijiet tiegħu wara li l-bank ma aċċettatx it-talba tiegħu li jingħata kopja tad-dettalji u informazzjoni bankarja kollha li l-imsemmi bank kellu fuqu, “kemm bħala impjegat u kif ukoll bħala rappreżentant tal-ħaddiema.” 

“L-informazzjoni li ngħata Muscat kienet vera limitata, u ma kien ingħata l-ebda spjegazzjoni għalfejn ittieħdet id-deċiżjoni biex il-bqija tal-informazzjoni ma tingħatax.”

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kontrollur saħaq li kwalunkwe kumpanija għandu r-responsabbiltà li jobdi t-talba minn persuna għal aċċess tal-informazzjoni personali tagħha stess miżmuma min-negozju, filwaqt li tassigura “li għandha l-miżuri neċessarji biex tkun tista tiffornixxi din it-talba fil-ħin adekwat.”

“Id-dritt ta’ aċċess tipprovdi lill-aġent tal-informazzjoni personali aċċess fuq l-imsemmija data. Id-drittijiet tiegħu jistgħu jiġu restritti, pero qatt imċaħħad. Kwalunkwe interferenza mad-drittijiet umani fundamentali ta’ persuna qatt m’għandha tasal sa’ punt fejn tneżża id-drittijiet marbuta mal-elementi prinċipali, u b’hekk tipprevjeni l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.”

Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, apparti l-multa imsemmija, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data talab ukoll li Muscat jingħata kopja tal-informazzjoni miġbura fi żmien qasir, kif ukoll li jiġu introdotti l-proċeduri interni kollha neċessarja biex talbiet simili fil-futur jiġu pproċessati b’mod effikaċi u korrett.

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-HSBC ġie immultat ammont simili wara talba mill-istess Muscat. Fil-fatt, f’Awwissu tal-2019, l-HSBC kellha tħallas multa oħra amministrattiva ta’ €5000, wara li nqabad jagħmel monitoraġġ “eċċessiv” tal-kont bankarju tal-impjegat tagħha, kif ukoll tal-kitbiet tiegħu fuq il-midja soċjali, mingħajr ma Muscat kien avżat jew infurmat minn qabel. 

Sport