Wednesday, February 19, 2025

L-ibbukkjar fil-lukandi jidher li se jibqa’ b’saħħtu

Fir-raba’ kwart tal-2024… żdiedet ir-rata ta’ okkupanza f’lukandi ta’ ħames u tliet stilel

Aqra wkoll

Bejn Ottubru u Diċembru tal-2024, żdiedet ir-rata ta’ okkupanza fl-lukandi ta’ ħames u tliet stilel filwaaqt li naqset bi ftit l-okkupanza rreġistrata fil-lukandi ta’ erba’ stilel. Dan ħareġ minn studju li sar minn Deloitte u li kien ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA). 

Id-dettalji ta’ dan l-istħarriġ ingħataw waqt seminar li kien imtella’ t-Tnejn li għadda mill-MHRA fejn preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Dr Ian Borg. 

Dan l-istħarriġ jindika illi d-dħul medju għal kull kamra tal-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel żdied b’7% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Juri wkoll li se jkun hemm prestazzjoni tajba għall-ewwel nofs tas-sena 2025, hekk kif l-ibbukkjar bil-quddiem qed jaqbeż il-livelli rrapportati għall-istess perjodu sena ilu. 

L-istħarriġ wera kif is-sena li għaddiet, Malta laqgħet rekord ta’ 3.56 miljun turist, żieda ta’ 19.5% meta mqabbel mal-2023. Bħala medja, in-nefqa tat-turisti kuljum f’pajjiżna kienet tlaħħaq il-€141.91ċ, li hija 7.5% aktar mil-livell ta’ nfiq irreġistrat fis-sena ta’ qabel.

Ċifri oħra juru li r-rata ta’ okkupanza f’lukandi ta’ ħames stilel fir-raba’ kwart tal-2024 kienet tlaħħaq l-65.7%, li hija 1.1 punti perċentwali aktar minn dak li kien irreġistrat fir-raba’ kwart tal-2023. 

F’dan l-istess perjodu, ir-rata ta’ okkupanza f’lukandi ta’ tliet stilel kienet tlaħħaq il-81.2%, 4.4 punti perċentwali aktar mil-livell irreġistrat fl-istess kwart tal-2023. Min-naħa l-oħra, il-lukandi ta’ erba’ stilel kellhom rata ta’ okkupanza ta’ kważi 78% fir-raba’ kwart tal-2024, li hija tnaqqis ta’ 2.1 punti perċentwali mil-livelli tal-2023. 

Dan l-istħarriġ jibni fuq ir-riżultati rekord tat-turiżmu fl-2024 li tħabbru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-ġimgħa li għaddiet, fejn ħareġ li n-nefqa ta’ kull turist fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet żdiedet b’5.5%, filwaqt li għas-sena kollha kien hemm żieda ta’ 3%. In-nefqa totali tat-turisti fl-2024 żdiedet b 23.1% u telgħet għal €3.3 biljun. 

Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru qal li s-saħħa finanzjarja tat-turiżmu qed tkompli tissaħħaħ, hekk kif qed tiżdied il-ħila ta’ Malta li toffri valur tajjeb filwaqt li tissokta bi tkabbir sostenibbli. Qal li dawn ir-riżultati huma xhieda li Malta tibqa’ destinazzjoni li tiġbed it-turisti, filwaqt li jikkofermaw l-impenn bla heda tal-professjonisti f’din l-industrija, ir-reżiljenza tal-istess industrija, kif ukoll l-abbiltà tagħha li tattira t-turisti, anke f’suq globali li aktar ma jmur aktar qed isir kompetittiv. 

B’ħarsa lejn il-futur, id-Deputat Prim Ministru sostna l-ħtieġa li dawk kollha f’dan is-settur ikomplu jinvestu fil-prodott turistiku Malti, b’enfasi fuq il-kwalità, it-trasformazzjoni diġitali u s-sostenibilità. “Il-lukandi f’Malta għandhom opportunità li jtejbu l-prattiċi sostenibbli tagħhom biex jattiraw lill-ammont dejjem jiżdied ta’ vjaġġaturi b’kuxjenza ambjentali. Bħala destinazzjoni Mediterranja, li nħaddnu turiżmu ambjentalment sostenibbli jista’ jsir wieħed mill-aspetti ewlenin li jattiraw it-turisti lejn pajjiżna,” kompla jispjega.

Tkellem ukoll dwar iż-żieda fl-enfasi fuq it-trasformazzjoni diġitali tat-turiżmu, hekk kif appella lill-industrija tal-ospitalità sabiex tinvesti f’servizzi tat-klijenti u ta’ effiċjenza operazzjonali msejsa fuq it-teknoloġija AI, sabiex jiksbu vantaġġ kompetittiv importanti. F’kumment dwar ir-riżultati tad-Deloitte European Hotel Industry and Investment Survey, id-Deputat Prim Ministru enfasizza ż-żieda fl-interess tal-investituri fl-oqsma tat-turiżmu ta’ lussu, filwaqt li nżammet l-attenzjoni wkoll fuq l-oqsma ta’ valur aktar ekonomiku. “L-operaturi Maltin għandhom jaraw li jwieġbu għal dawn ix-xejriet billi jsaħħu s-servizzi superjuri tal-ogħla livelli,” żied jgħid.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra, filwaqt li laqa’ dawn ir-riżultati, enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-eċċellenza fis-servizz, l-effiċjenza u l-produttività, b’attenzjoni partikolari fuq turisti b’kapaċità li jonfqu aktar. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport