Adam Angelo Falzon ta’ 47 sena u Aaron Atzori ta’ 23 sena, it-tnejn mill-Qala, kienu mixlijin quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech bil-pussess, traffikar u assoċjazzjoni għal skop ta’ traffikar tal-kokaina kif ukoll b’ħasil ta’ flus.
Falzon fil-Qorti qal li hu jaħdem bħala mekanik filwaqt li Atzori qal li jaħdem bħala skrivan.
Il-prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti li fl-appartament ta’ Falzon instabu madwar 500 gramma kokaina filwaqt li madwar għaxar grammi fuq Atzori.
Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
L-Ispettur Francesco Mizzi spjega quddiem il-Maġistrat Grech li l-Pulizija kienu ilhom josservaw appartament fil-Qala għal dawn l-aħħar xagħrejn. Qal li tul dan iż-żmien il-Pulizija setgħu jinnotaw li kien hemm ħafna persuni li kienu jidħlu fl-appartament u wara ftit joħorġu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li ġie nnutat però li Atzori kien jidħol fl-istess appartament u jdum fuq ġew.
L-Ispettur Mizzi qal li minn analiżi li saret fuq id-droga jidher li hija 98% pura u din kienet maqtugħa minn blokka ta’ kilo kif ħafna drabi jaslu minn barra minn Malta.
Waqt li kien qiegħed jispjega kif sar l-arrest, l-Ispettur Mizzi qal li l-Pulizija daħlu fl-appartament ta’ Falzon li fih kien hemm l-imputat u żewġ persuni oħrajn. Huma ġew informati li kienu qegħdin jiġu arrestati.
Hekk kif il-pulizija kienet qiegħda tinvestiga tasal karozza li fiha kien hemm Atzori u dan, skont il-Prosekuzzjoni pprova jaħrab… iżda hekk kif kien qiegħed jaħrab rema’ borża li kien fiha l-kokaina. F’din il-borża nstabu pakketti żgħar li allegatament turi li d-droga kienet lesta biex tiġi traffikata. Atzori ġie nfurnata wkoll li kien qiegħed taħt arrest.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li Falzon li ilu jgħix fil-Qala għal dawn l-aħħar 3 snin minħabba li twieled u trabba l-Awstralja qalilhom li meta kien barra minn Malta kien ġie arrestat ukoll minħabba d-droga u anke kien iġġieled il-vizzju. Iżda meta ġie lura Malta dan reġa’ waqa’ fil-vizzju.
Intant, id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest fejn ressqet diversi argumenti fosthom li ż-żewġ akkużati għandhom impjegi stabbli u anke li lesti joqgħodu għal kull kundizzjoni mposta fuqhom. Id-difiża ressqet diversi argumenti wkoll li l-qabda tad-droga fosthom ta’ Atzori kienet waħda żgħira filwaqt li saħqet li hu qatt ma pprova jaħrab lill-pulizija, iżda pprova jitlqa’ minn fuq il-post għax beża’.
Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjoni għadha fi stadju bikri u hemm aktar persuni li għad iridu jiġu mitkellma. Irreferi għal fatt li Atzori ma tax il-passcode tal-mobile lill-Pulizija u għalhekk dan għad irid jiġi analizzat. Intqal li fuq il-mobile ta’ Falzon hemm diversi messaġġi li jqanqlu suspett dwar traffikar u għalhekk dawn il-persuni kollha għad iridu jiġu mitkellma mill-Pulizija.
Wara li sema’ s-sottomissjonijiet, il-Maġistrat Jean Paul Grech ordna li l-imputati jibqgħu jinżammu taħt arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Francesco Mizzi, Keith Xerri u Mario Xiberras.
Għal Falzon deher l-Avukat Jacob Magri waqt li Atzori kellu jiddefenduh lill-Avukati Josè Herrera, Joseph Grech u Naomi Spiteri
