Sunday, December 22, 2024

L-ibburdjar huwa miftuħ għal kulħadd … kull persuna, kull etá – Ben Vassallo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Ben Vassallo, huwa baħħar li qiegħed javviċina l-għaxar sena tiegħu f’dan l-isport, dejjem kiseb riżultati pożittivi kemm lokalment kif ukoll fix-xena internazzjonali. Madankollu, l-aqwa suċċessi tiegħu kisibhom matul is-sena li għaddiet, fejn fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar irnexxielu jikseb it-tielet post fil-klassi tal-ILCA 4. Vassallo, ħa shemm ukoll fil-kampjonat dinji din is-sena, li kienu il-Greċja. U wara xhur sħaħ jipprepara għal dan il-kampjonat Vassallo kiseb it-12-il post, riżultat storiku għal pajjiżna. Riżultati li tawh l-ogħla sodisfazzjon, u li ġew rikonoxxuti mill-Kumitat Olimpiku Malti (MOC). Iktar riċenti Vassallo qaleb fil-klassi tal-ILCA 6 fejn irnexxielu jirbaħ il-kampjonat nazzjonali għat-tieni darba, kif ukoll jirbaħ il-katagorija tiegħu fl-Europa Cup li seħħet f’Malta stess. 

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-ibburdjar?

L-ibburdjar kien preżenti tul ħajti kollha. Minn etá zgħira, missieri kien jeħodni fuq id-dgħajsa tal-qlugħ tiegħu. Kollna wkoll nqattgħu mill-inqas tliet ġimgħat fuq id-dgħajsa matul is-sajf, inżuru postijiet u pajjiżi madwar il-Mediterran. Minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi lejn il-baħar u l-memorji sbieħ li bnejt matul dawn il-ġranet fuq il-baħar ġiegħluni nibda l-ibburdjar mal-klabb li jinsab San Pawl il-Baħar, ‘Malta Young Sailors Club’.

X’tikkummenta fuq il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru matul is-sena li għaddiet?

Fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, ksibt it-tielet post fil-klassi tiegħi, riżultat ta’ sodisfazzjon, fejn tgħallimt u kbirt bħala baħħar. Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-Malta Sailing Federation, il-klabb tiegħi, MYSC u l-aħħar iżda mhux l-inqas il-familja tiegħi, li dejjem jagħtuni s-sapport konkret tagħhom!

Kif tiddeskrivi x-xena tal-ibburdjar f’pajjiżna?

Malta dejjem se tattira u tiżviluppa baħħara b’saħħithom permezz tal-kundizzjonijiet tajbin ħafna. Madankollu, f’dawn l-aħħar żminijiet, l-investimenti kbar fl-isport tagħna għenu biex il-livell għola. Nispera li x-xena lokali tibqa’ b’saħħitha biex inkomplu nirrappreżentaw lil pajjiżna b’mod pożittiv f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudji tiegħek u mal-ibburdjar?

Sa minn etá żgħira, kelli nitgħallem x’kont se nagħmel sabiex nibbilanċja żewġ affarijiet li għalija huma tassew importanti għall-futur tiegħi. Għalkemm ġieli tħossok li mhux qed jkollok mistrieħ biżżejjed, dawn l-isfidi huma importanti sabiex wieħed isir atleta b’saħħtu. Eżempju ċar huwa li qabel il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, kelli l-eżamijiet tas-SEC, dawn iż-żewġ avvenimenti huma tassew importanti għal-futur sporif u akkademiku tiegħi, għallura ma kellix għażla minbarra li nqassam il-ħin tiegħi. Sfida li kelli nipprepara għaliha minn xhur qabel biex nikseb dak li nixtieq.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

L-għan prinċipali tiegħi huwa li nirrappreżenta lil Malta fil-Logħob Olimpiku fis-sena 2028. Biex inwettaq din il-ħolma hemm bżonn nipparteċipa f’diversi kampjonati internazzjonali speċjalment il-Kampjonati Dinjija u Ewropej.

Permezz tad-dixxiplina u taħriġ bla waqfien, kif ukoll għajnuna u sapport minn dawk ta’ madwari kollox huwa possibli.

Għaddi messaġġ lil min jixtieq jibda jipprattika l-ibburdjar.

L-ibburdjar huwa miftuħ għal kulħadd … kull persuna, kull etá. Hemm min jista’ jibbordja għall-pjaċir biss, peró, min hu ppreparat biex jikkompeti u jtellaq kontra l-aqwa baħħara lokali u barani, irid ikollu ossessjoni għal dan l-isport.

Biex tirnexxi, trid taħdem u jekk dan hu li trid, hemm ħafna nies biex jgħinuk tikseb il-potenzjal tiegħek, u meta tirnexxi f’dak li ħdimt ħafna għalih tikseb l-għola forma ta’ sodisfazzjon. Il-ġimgħa li għadda il-klabb tiegħi organizza l-open day li jsir kull sena, hija ġurnata fejn, kull fejn tħares, tara tfal ta’ sitt, seba’ snin jitbissmu, waqt li jkunu qegħdin jippruvaw l-ibburdjar għall-ewwel darba. Kull sena nara iktar tfal jistennew b’eċċitament kbir biex jaqbżu l-mewġ, u jien naħseb li kif dal-isport kiber f’dawn l-aħħar snin, se jkompli jikber u jattira iktar tfal kurjużi u eċċitati biex isiru baħħara, bħal familti, bħal sħabi u fl-aħħar mill-aħħar, bħali stess!

Ekonomija

Sport