Sunday, December 22, 2024

L-iddisprati (ii)… Il-Kampanja t’issa

Aqra wkoll

Il-kampanja elettorali preżenti, għalkemm hi għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali hi simili ħafna għall-kampanji elettorali oħrajn li jkunu għall-Parlament Malti. Dan għaliex, jekk wieħed iħares lejn kif il-partiti politiċi qed imexxu l-kampanja, qed jimxu bl-istess mod li kienu qed jimxu dawn l-aħħar snin jew meta l-PN kien fl-Oppożizzjoni.

Min-naħa waħda għandek il-PL li dak li qed jitkellem dwaru hu l-affarijiet li diġa’ għamel u li bi ħsiebu jagħmel. Din id-darba l-emfasi hi dwar kif l-MEPs Laburisti ser jaġixxu meta jkunu fil-Parlament Ewropew speċjalment fuq ċerti tibdil li l-UE bi ħsiebhom jagħmlu fil-5 snin li ġejjin.

Peress li deċiżjonijiet Ewropej jorbtu lil-liġijiet Maltin, hemm pjani fuq ċertu tibdil li qed jiġi suġġerit li ser ikollu impatt negattiv fuq Malta. Il-pjan tal-PL hu biex jiddefendi l-interessi tal-Maltin.

Tajjeb insemmu każ wieħed li żgur ikollu impatt negattiv fuq Malta, ikun min ikun fil-gvern. Suġġett li żgur ser iqum meta jkun hemm Parlament Ewropew u Kummissjoni ġdida hu jekk it-taxxi għandhomx ikunu l-istess fl-Ewropa kollha. Il-Maltin ilhom mill-50ijiet li ttendew li biex Malta tkun tista’ tiġbed lejha investiment barrani trid tagħti xi ħaġa speċjali biex tpatti għall-ispejjeż żejda li jkollhom iħallsu peress li Malta hi gżira.

Il-Maltin kienu għażlu li ċerti taxxi fuq id-dħul li jdaħħlu kumpaniji ikun orħos minn ta’ pajjiżi oħra biex jattiraw investiment barrani. L-investiment barrani mhux biss iġib flus permezz ta’ taxxi, imma ikabbar l-ekonomija u b’hekk ikun hawn ħafna impjiegi u l-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu titjieb.

Jekk nieħdu din it-tibdila li qed jippjanaw naraw l-attitudni differenti tal-Partiti Politiċi. Il-Partit Laburista sew permezz tal-gvern u sew permezz tal-MEPs tiegħu din ser jirreżistuha minħabba l-impatt negattiv li jkollha fuq l-ekonomija.

Min-naħa l-oħra, l-interess tal-MEPs Nazzjonalisti żgur li ser ikun wieħed li jħammeġ kemm jista’ jkun lill-gvern Laburista biex l-għajnuna u l-investiment barrani jonqos. Ir-raġunament negattiv tagħhom hu li kif tonqos l-ekonomija, il-poplu jkun irid ibiddel il-partit li jkun fil-gvern.

Għalhekk tista’ toqgħod ċert li huma mhux ser jopponu tibdil bħal dan. Din hi waħda biss mit-tibdiliet li qed ikun ippjanat fuq livell Ewropew. Din l-attitudni tirrifletti xi ħaġa stramba oħra. Il-Partit Nazzjonalista għalkemm għandu bażi faxxista – tant l-iswed għadu hemm li l-background tal-arma tagħhom – u ismu jindika li jrid iħares il-pajjiż, waħda mill-aktar affarijiet li dejjem kellu f’moħħu hi n-nuqqas li dan il-pajjiż ikun vera indipendenti u jippjana triqtu hu.

Fl-antik dejjem riedu jdaħħlu t-Taljan biex Malta tiġi assorbita mill-Italja – effett negattiv sal-lum għaliex il-qrati tagħna għadhom sal-lum jużaw kliem u espressjonijiet Taljani li bihom il-maġġoranza tal-Maltin ma jifhmux id-deċiżjonijiet tagħhom u dejjem jistaqsu lil xi ħadd biex ifehemhomlom.

Rajniha aktar tard meta suppost kellna indipendenza u Malta xorta saret bażi militari bl-ekonomija tagħha tiddependi fuqha. Wara kien hemm ħidma biex Malta titlef l-indipendenza tagħha u morna għall-integration mal-UE.

Illum narawh li l-interess tagħhom mhux li jħarsu l-interess tal-Maltin imma l-interess tagħhom billi japprovaw dak kollu li trid l-UE biex jintgħoġbu huma. Minħabba f’hekk huma ser jaqblu li l-politika barranija tagħna tkun diterminata mill-UE u l-armata tkun parti mill-armata Ewropea minkejja li qed ilestu biex jidħlu fi gwerra u mhux biss is-suldati tagħna jmutu imma anki l-poplu tagħna.
Karatteristika oħra

Waħda mit-tattiċi ta’ kampanja elettorali meta l-PN ikunu fl-Oppożizzjoni hi li barra n-negattivita’ jaqilgħu xi ħaġa li tħammeġ lill-PL. Biss din ġeneralment tkun fl-aħħar jiem tal-kampanja elettorali biex il-PL ma tantx ikollu ċans li jwieġeb. Jekk nieħdu l-kampanja tal-2013 din kienet attakk kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat – kampanja li bdietha DCG u kompliha l-PN.

Kienet kampanja li mhux biss ħammġet lilu sew f’Malta imma anki barra minn Malta barra li ħammġet ukoll il-familja tiegħu. Kampanja ibbażata fuq investigazzjoni li wara instab li dak li qalu fuq il-PM kien ibbażat fuq falsifikazzjoni.
In-negattivita’ tkisser lil min iħobba.

Din hi xi ħaġa li l-PN ma jaħsibx fuqha. Ir-raġuni hi li din in-negattivita’ ġabet u tibqa’ ġġib il-ħmieġ fuq Malta – sew fuq l-ekonomija u sew fuq il-poplu – ħaġa li jridu. Li ma jirrealizzawx hu li din in-negattivita’ fil-qrib iġġibilhom vantaġġ imma fuq it-tul taħdem kontrihom.

F’din il-kampanja qalulna kemm-il darba li ser jaħdmu bis-sħiħ kontra l-gvern u b’hekk kontra Malta. Nassumu li din ser taħdem favurihom. Jekk jiġri hekk, l-ekonomija tmur lura u l-poplu jsofri. Il-probabbilta’ tikber li huma jirbħu l-elezzjoni li jmiss. Nassumu li wara jirbħu l-elezzjoni.

Kif jidħlu fil-gvern l-ewwel u l-akbar problema ma wiċċhom tkun biex jippruvaw iqajmu l-ekonomija – ħaġa li tkun diffiċli għalihom sew minħabba l-ħmieġ li jkunu qajmu qabel u sew minħabba li huma jaqblu dejjem mal-UE minkejja li xi liġijiet ser ikunu ta’ ħsara għal Malta li hi ġżira.

Li kieku jsiru pożittivi kieku mhux talli jsibu ekonomija tajba imma jkunu wkoll ippreparati sew biex ikomplu jkabbru u jespandu l-ekonomija – xi ħaġa li tkun taqbel lilhom wkoll.

Hu għalhekk li hemm bżonn li joħorġu mid-disperazzjoni preżenti biex isiru pożittivi għalkemm din hi ħaġa diffiċli għalihom għax jemmnu li huma biss tajba.

Ekonomija

Sport