Wednesday, July 24, 2024

Bosta familji u żgħażagħ jattendu għal open day fil-Birgu

Aqra wkoll

Bosta familji u żgħażagħ attendew għal attivitajiet li ġew organizzati lbieraħ fil-Birgu, fil-ġnien il-ġdid ta’ Fuq il-Glażiż. B’attendenza numeruża, l-open day ġiet organizzata minn WasteServ u Project Green, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u l-Kunsill Lokali tal-Birgu.

Flimkien mal-istudenti tal-iskola tal-primarja tal-Birgu, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Miriam Dalli u l-kunsilliera tal-Birgu, dan il-ġnien ġdid ġie inawgurat nhar l-Erbgħa li għadda u joffri faċilitajiet moderni għal mumenti ta’ rikreazzjoni għal etajiet differenti. Il-ġnien huwa komplut b’park għall-klieb.

Dawk preżenti għall-attivitajiet tal-jum tas-Sibt gawdew minn logħob tradizzjonali Malti, u sessjonijiet ta’ potting, f’ambjent divertenti. Il-1st Cospicua Scout Group organizzaw diversi logħob u kompetizzjonijiet għall-membri tagħhom billi għamlu użu mit-tagħmir tal-logħob li hemm fl-istess ġnien.

Popolari ħafna qalb it-tfal, WasteServ kellha wkoll it-tlett maskots tagħha – General Buzz, Commander Yellow, u l-Garbage Monster.

Il-Ġnien fuq il-Glażiż jinsab fil-qalba tal-Kottonera u huwa l-post ideali biex tqatta’ ftit ħin għal kwiet, jew għal xi picnic mal-ħbieb jew il-familja.

Il-ġnien huwa msemmi għall-glacis li jinsab fuqu u li jagħmel parti mill-fortifikazzjoni ta’ Santa Margerita. Il-periti ta’ GreenServ, li tifforma parti minn WasteServ, ħadmu disinn li jirrispetta l-karattru tal-post u passaġġi li jduru mas-siġar eżistenti. Intuża wkoll materjali naturali u riċiklati għat-tgħammir ta’ dan il-ġnien, u d-dawl li ġie installat jagħmel użu mill-enerġija solari. Il-Ġnien se jkun qed jiġi mmaniġġjat mill-aġenzija Project Green li se tkun qed tieħu ħsieb li l-ġnien issirlu l-manutenzjoni u jingħata l-attenzjoni meħtiega sabiex dan l-ispazju miftuħ f’ żona urbana jibqa’ jitgawda mir-residenti tal-madwar u l-pubbliku in ġenerali.

Ekonomija

Sport