Sunday, November 24, 2024

L-ILSIEN MALTI … L-IPREM ELEMENT LI JGAQQADNA BĦALA POPLU

Aqra wkoll

Mhux darba jew tnejn li minn dawn il-kolonni rreferejna għall-ħtieġa assoluta li għandna nibżgħu għal dak kollu li huwa Malti. Għandna nħarsuhom dawn għax huma tagħna u ta’ ħadd aktar u għalhekk jagħmluna uniċi u distinti minn ġnus oħra. Iżda fuq kollox ilsien art twelidna huwa l-ogħla ingredjenti li għandna bħala poplu sovran b’karatteristiċi uniċi.

Ilsien ġensna, għalkemm għadda minn ġenerazzjoni għal oħra, mal-milja tas-snin baqa’ jiżviluppa u sa wassal biex inkluda fih kliem barrani li qabel ma kellniex l-ekwivalenti tagħhom u b’hekk ilsienna, taqbel jew ma taqbilx, sar aktar rikk anki jekk tlifna ħafna mid-djaletti li missirijietna kienu jużaw fi kliemhom u f’diskorshom.

Iżda, jekk nixirfu ftit fuq dak li rriżulta mill-aħħar stħarriġ li sar u li ġie żvelat fil-konferenza riċenti dwar l-Istat tan-Nazzjon, ninnutaw b’dispjaċir li l-Maltin li jqisu l-ilsien art twelidna bħala l-lingwa primarja qed jonqos. Fil-fatt, minn 82% tal-popolazzjoni fl-2021, dan niżel għal 71% ta’ dawk li għadhom jgħoddu l-Malti bħala l-lingwa primarja tagħhom.

Dan għandu għax jinkwetana. Jekk mhux se nkunu aħna stess li niddefendu b’kull mezz l-ilsien tagħna, jista’ jasal dak iż-żmien li nisħtu lilna nfusna li ħallejna l-ilsien Malti jitmermer. Jista’ jkun li għad hawn min li jqis il-Malti bħala lingwa tajba biss għall-kċejjen. Attitudni ta’ din ix-xorta għandna lkoll, partikularment fis-sistema edukattiva, niġġildulha billi nirrimedjaw dak li sejjer ħażin.

Irridu nammettu li pajjiżna huwa parti minn din id-dinja u ma jgħix f’iżolament. Għalhekk nifhmu li ma fiha xejn ħażin, anzi huwa tajjeb li l-ilsien Malti jkun influwenzat minn ilsna u kulturi oħra, aktar u aktar meta hawn daqstant barranin jaħdmu u jgħixu f’pajjiżna. Imma dan m’għandniex inħalluh isir b’mod li jnawwar l-ilsien primarju tagħna.

Aħna nifirħu u nfaħħru dak kollu li jsaħħaħ il-wirt kulturali tagħna u ngħidu bla tlaqliq li l-Gvern għamel tajjeb li ftit ilu nieda l-iStrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024 – 2030 li fost il-miżuri ewlenin hemm it-tisħiħ tal-lingwa Maltija bħala suġġett essenzjali u bħala mezz biex tiġi kkonservata l-kultura lokali.

Nifhmu li dan se jkun fir-responsabbiltà ta’ task force li se titwaqqaf bil-għan ewlieni li janalizza l-isfidi kurrenti li hemm fit-tagħlim tal-Malti f’livell obligatorju u li jwassal għal pjan ta’ azzjoni li jindirizza l-isidi msemmija.

Konvinti li bi ftit aktar sforz l-ilsien Malti jitpoġġa fuq il-pedestall li jixraqlu. Wara kollox ilsienna huwa l-iprem element li jgħaqqadna bħala poplu wieħed distint minn ġnus oħra.

Sport