Thursday, May 16, 2024

L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BUDGET DIĠÀ BDIET

Aqra wkoll

It-Tnejn li għadda, qabel aġġorna għall-btajjel tal-Milied, il-Parlament approva l-budget għas-sena 2024 bit-tema “Malta Ġusta”. Minkejja li ħafna pajjiżi akbar minn tagħna għadhom ibatu mill-inċertezzi u diffikultà biex isibu saqajhom kaġun ta’ diversi sfidi u saħansitra kellhom jirrikorru għal miżuri ta’ awsterita. Jidher imma li din iċ-ċirkostanza ma tgħoddx għal pajjiżna.

L-għajnuniet li ngħataw u għadhom qed jingħataw lil ċertu setturi tas-soċjetà tagħna kienu kruċjali biex mhux biss seta’ jinżamm il-livell tal-għajxien u anki l-impjiegi, iżda komplew jiżdiedu kif kompla jiżdied l-investiment f’bosta setturi.

Dan mhux qed ngħiduh aħna imma qaluh diversi aġenziji ta’ kreditu internazzjonali li fl-aħħar xhur sostnew kontinwament li Malta kienet u għadha attraenti għall-investiment. Apparti dan, wieħed għandu għalxiex ifaħħar ukoll l-investiment lokali, li qed iwassal mhux biss għall-konsolidament tal-impjiegi imma wkoll li l-prodotti lokali jkunu esposti fi swieq internazzjonali.

Però l-gvern mhux qed jieqaf hemm. Permezz tal-budget, qed jaspira li jsib bilanc bejn il-bżonn tat-tkabbir ekonomiku u s-sostenibiltà tal-ħajja tal-Maltin. Settur li llum huwa komponent importanti minn dak li ahna niddefinixxu bħala r-ruħ soċjali ta’ pajjizna. 

Il-Budget huwa pjan ta’ serħan il-moħħ għalik u għalija biex nistgħu nfasslu mhux biss l-illum iżda wisq aktar l-għada tagħna. Huwa pjan ċar ta’ gvern li jrid jibqa’ jagħmel differenza f’ħajjet in-nies permezz ta’ miżuri ċari u mmirati għall-preżent u l-futur tas-soċjetà Maltija.

U biex dan l-għan ikun jista jintlaħaq, il-Gvern ma qagħadx jistenna jiġi Jannar 2024 biex jibda jferrex bosta mill-miżuri tal-Budget. Tant li kif kien ħabbar is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Politika Soċjali, Mark Musu, illi sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar il-Gvern se jkun ħallas mhux inqas minn 34 miljun ewro f’miżuri soċjali. Diġa implimenta bil-quddiem l-allowance tat-tfal, għajnuna supplimentari, allowance għal persuni b’diżabilita u kif ukoll ħlas għall-għoli tal-ħajja skont il-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA.

Dan kollu jirrifletti s-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna. Hija prova oħra wkoll li llum, l-ekonomija qiegħda hemm għan-nies u mhux in-nies għall-ekonomija. B’hekk qed naraw ukoll li l-frott ekonomiku qed jitqassam skont il-ħtiġijiet tas-soċjeta b’mod partikulari ta’ dawk l-iktar fil-bżonn.

Sport