Friday, December 27, 2024

L-importanza tas-saħħa – mill-Parlament Ewropew

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub mill-Ewroparlamentari Miriam Dalli

B’xi mod jew ieħor, kollha kemm aħna missejna mal-kanċer jew mard rari. In-numru ta’ nies li jimirdu qed jiżdied u hu importanti li nindirizzaw kemm il-kura u t-trattament kif ukoll fatturi li qed iwasslu għal dan il-mard. 

Minnbarra l-irwol tieghi bħala Viċi-Chair tal-Membri tal-Parlament Ewropew kontra l-Kanċer u l-ħidma leġislattiva li qed insegwi fil-kumitat tas-saħħa pubblika tal-Parlament Ewropew, f’dawn il-jiem ġejt maħtura bħala membru f’kumitat speċjali Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-kanċer. 

Fost oħrajn, dan il-kumitat għandu l-irwol speċifiku li jevalwa l-opportunitajiet li jeżistu biex l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni konkreta, tidentifika leġiżlazzjoni u miżuri oħra li jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kanċer u tfittex l-aħjar modi biex tappoġġja r-riċerka. L-akbar attenzjoni tiegħi se jibqa’ l-kanċer fost it-tfal li sal-llum il-ġurnata għadu jbagħti minn ferm anqas trattamenti mill-kanċer fl-adulti. 

Intant, fuq suġġett kompletament differenti. Din il-ġimgħa ivvutajna dwar regoli ġodda għat-trakkijiet li jintużaw biex jimpurtaw jew jesportaw prodotti bejn il-pajjiżi Ewropej. Jiena, flimkien mal-kumplament tal-membri tad-delegazzjoni Laburista ivvutajna kontra dawn ir-regoli minħabba l-impatt ħażin li dawn ir-regoli jistgħu jħallu fuq is-settur Malti. Flimkien ma’ sħabi iffirmajna wkoll emendi biex inbiddlu dawn ir-regoli. Interessanti l-kummenti li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea dwar dawn ir-regoli u qalet li se tkun qed tara l-possibilita li tirrevedi ċertu elementi f’dawn ir-regoli li fost oħrajn ma jagħmlu l-ebda sens ambjentali hekk kif ir-regoli kif approvati jfissru li trakk se jkollu jagħmel vjaġġ lura vojt, apparti l-ispejjeż żejda għall-operaturi. Per eżempju, kull tmien ġimgħat, trakk Malti f’xi pajjiż Ewropew irid jinġieb Malta għall-ġimgħa qabel jerġa jitla’ fl-Unjoni Ewropea.   

Sadanittant komplejt b’aktar laqgħat f’Malta, fosthom mal-kumpanija PT Matic li toffri servizzi ambjentali biex kumpaniji jkunu jistgħu jarmu skart tossiku. Kumpanija li timpjega xjentisti, inġiniera, u tekniċi ambjentali u li x-xogħol tagħha huwa bżonnjuż kemm biex il-pajjiż ikun jista’ jiddisponi minn skart perikoluż, kif ukoll biex ikun hemm tindif ta’ ċertu kimiċi jew materjal bħal per eżempju minn fabbriki antiki. Anke meta niġu għall-qasam tal-kostruzzjoni, huwa importanti li qabel wieħed jaqbad u jwaqqa’ xi binja antika jew jiddisponi mill-iskart tal-kostruzzjoni, jassigura ruħu li ma hemmx skart tossiku. Biex dan isir bl-aktar mod sigur, irid ikun hemm aktar infurzar u aktar tagħrif.

Ekonomija

Sport