Wednesday, October 9, 2024

L-imsieħba soċjali jfaħħru l-impenn tal-GWU li mexxiet l-istudju dwar il-Living Income

… jaqblu fuq l-importanza li jsiru aktar studji ta’ natura simili

Aqra wkoll

L-imsieħba soċjali faħħru l-impenn tal-General Workers’ Union li mexxiet l-istudju dwar il-living income bil-għan li tiġi identifikata u indirizzata l-ħtieġa li jiżdied id-dħul nazzjonali tal-għajxien għall-familji Maltin u Għawdxin. 

F’laqgħa tal-MCESD, li fih ġie diskuss dan l-istudju, l-imsieħba soċjali ppreżentaw numru ta’ rakkomandazzjonijiet li koprew suġġetti kritiċi, inkluż il-purchasing power. Huma enfasizzaw l-importanza li l-ħaddiema għandhom jitqiesu bħala valur u investimenti għan-negozju u mhux bħala spiża. 

Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali indirizzaw il-kwistjoni tan-negozji li jisfruttaw ħaddiema barranin, li għandha implikazzjonijiet għas-suq tax-xogħol. L-imsieħba soċjali huma favur iż-żieda fl-opportunitajiet ta’ impjieg għall-persuni b’diżabilità biex ikunu finanzjarjament aktar indipendenti.

Matul id-diskussjoni, l-imsieħba soċjali qablu dwar l-importanza li għandhom isiru aktar studji ta’ natura simili. Riċerka bħal din għandha rwol vitali mhux biss biex tanalizza u tifhem is-soċjetà Maltija u l-istandards tal-għajxien tagħha, iżda wkoll biex tqanqal ambizzjonijiet tas-soċjetà għal kwalità ta’ ħajja aħjar u tfassal il-mezzi biex tinkiseb. 

Ġie enfasizzat li l-imsieħba soċjali huma ddedikati biex jikkollaboraw fuq metodoloġiji maħsuba biex itejbu kemm l-opportunitajiet ta’ impjieg kif ukoll il-kwalità ġenerali tal-ħajja, biex fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw iċ-ċittadini ta’ Maltin u Għawdxin.

Sadanittant, tliet riċerkaturi, Dr Kurt Xerri, Dr Daniel Gravino, u Dr Joseph Gravina, li kienu involuti f’dan l-istudju, taw preżentazzjonijiet dettaljati lill-imsieħba soċjali dwar ir-riċerka. Il-preżentazzjoni mhux biss iċċarat l-aspetti kwantitattivi u kwalitattivi tal-istudju iżda pprovdiet ukoll ħarsa ġenerali lejn il-metodoloġija tal-istudju. 

Waqt il-preżentazzjoni, ġie spjegat kif l-istudju sar permezz ta’ żjarat fid-djar tal-familji Maltin, li ppermetta li wieħed jifhem iktar il-bżonnijiet tagħhom. L-istudju kopra b’mod komprensiv aspetti kruċjali tal-ħajja tal-familja, inklużi s-saħħa, in-nutrizzjoni, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, it-trasport u d-divertiment. Punt li ġie spjegat, waqt il-preżentazzjoni, huwa li d-divertiment iktar milli jitqies bħala ħin liberu, għandu jitqies bħala ħin prezzjuż għall-individwi biex jarrikkixxu ħajjithom aktar.

Iċ-Chairman tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, tkellem kif dawn id-diskussjonijiet jibqgħu għaddejjin b’mod attiv waqt il-laqgħat tal-Low Wage Commission (LWC). Il-LWC hija impenjata b’mod attiv fil-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet għal reviżjoni tal-paga minima ta’ Malta sal-aħħar tas-sena, billi tiddiskuti b’mod regolari mal-unions, min iħaddem, u l-gvern.

L-imsemmi studju li twettaq mill-GWU sar b’kollaborazzjoni mal-Moviment Graffitti u l-Alleanza kontra l-Faqar. Preżenti għal-laqgħa tal-MCESD kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentatri għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.

Sport