Sunday, April 27, 2025

L-INDIFFERENZA LEJN IL-MESSAĠĠI TA’ PAPA FRANĠISKU

Aqra wkoll

Tlett xhur u nofs ilu, l-Papa Franġisku Il-Papa Franġisku appella lill-komunità internazzjonali biex tiżgura li l-liġi umanitarja tkun irrispettata. Appell li kien għamlu want l-Angelus tal-Ħadd. Appell li fih iddikjara b’mod ċar biex ma jkomplux jattakkaw liċ-ċivili! Ma jkomplux jattakkaw l-iskejjel jew l-isptarijiet! Ma’ jkomplux tattakkaw il-postijiet tax-xogħol. Kien Lemma’ l-Ukrajna, il-Palestina, Iżrael, il-Libanu, is-Sirja, Myanmar u s-Sudan.

Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet kien għamel ukoll messaġġ b’saħħtu fejn dakinhar kien staqsa li x’jiswa li wieħed ikollu l-kont tal-bank mimli meta l-qalb tkun iebsa u vojta. Kien staqsa ukoll dwar x’jiswa li l-pajjiżi privileġġjati qed ikomplu jgawdu minn tkabbir ekonomiku, meta n-nofs tad-dinja l-ieħor jinsab bil-ġuħ u meqrud bil-gwerer.

Messaġġi u dikjarazzjonijiet oħra kontinwi ta’ Papa Franġisku kienu dwar l-immigrazzjoni. Proprju f’nofs is-sena 2023 f’diskors li kien għamel kien appella lill-politiċi biex jindirizzaw dik li sejjaħ il-“ferita miftuħa” ta’ imwiet ta’ immigranti fil-Mediterran”. Hu kien qal dan hekk kif kienet għadha kif seħħet traġedja li fiha mietu 41 persuna. Kien irrefera għall-imwiet u qal li bl-uġigħ u bil-mistħija rridu ngħidu li kważi 2,000 raġel, mara u tfal mietu fil-baħar waqt li kienu qed jippruvaw jaslu l-Ewropa mill-bidu tas-sena.

Kellu ukoll messaġġi diretti lejn l-Unjoni Ewropea fejn jidħlu l-immigranti. Kien iddikjara li “l-immigranti għandhom jintlaqgħu dejjem, u li kif l-Ewropa qed tilqa’ bl-iktar mod ġeneruż lill-Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra, għandu jsir l-istess ma’ dawk li jaqsmu l-Mediterran.”

Dikjarazzjoni oħra qawwija kien għamilha f’Ottubru tas-sena 2022, meta ikkritika l-mod kif qed jiġu ttrattati ħafna migranti li jaslu fl-Ewropa. Dak inhar qal li “l-esklużjoni tal-migranti hi skandaluża! Filfatt, l-esklużjoni tal-migranti hi att kriminali; inħalluhom imutu taħt għajnejna. L-esklużjoni tal-migranti hi diżgustanti; hi dnub; hi kriminali”.

Il-Papa Franġisku ma’ ddejjaqx jitkellem kontra l-pushback. Fis-sena 2021 kien appella biex l-immigranti li jkunu salvati ma jerġgħux jintbagħtu lura l-Libja u pajjiżi oħra li mhumiex siguri u li hemm ‘il-vjolenza’. Kien anke tkellem dwar dawk li sejjaħ kampijiet ta’ konċentrament fil-Libja.

Tratta ukoll il-baħar Mediterran. Kien irrefera għaliha bħala l-akbar ċimiterju. Kien Semma itraġedji tal-Mediterran u qal li dawn għandhom ikomplu jisfidaw il-kuxjenza ta’ kulħadd u jinkoraġġixxu t-tkabbir ta’ umanità aktar magħquda, li tkisser il-ħajt tal-indifferenza.

Dawn kienu l-messaġġi kontinwi tiegħu. Favur l-immigranti u li jintlaqgħu u kontra l-gwerer. Messaġġi li mhux talli ma intlaqgħux, mhux talli l-politiċi ma’ ħadmux talli sar il-kontra tagħha.

Jekk nieħdu l-gwerer mhux biss ma rajnihomx jintemmu imma issa qegħdin naraw l-Unjoni Ewropea timmanuvra biex dik l-Unjoni Ewropa li twaqqfet għall-paċi issa se tibda tinvesti flejjes kbar fl-armamenti. Sejn tidħol l-immigrazzjoni u l-pushbacks ġara l-istess. Bqajna naraw Unjoni Ewropea u issa anke pajjiżi oħra li flok jaraw kif jilqgħu lill-immigranti, kif se jgħinuhom, il-ħsieb tagħhom hu li jibnu l-ħitan. Li joħolqu deterrent. Ħitan li m’għamlu xejn għajr żiedu l-imwiet.

Franġisku stess kien konxju li l-messaġġi u d-dikjarazzjonijiet tiegħu waqgħu fuq widnejn toroq u ġew injorati. Hu stess jiddikjaraha. U waqt li baqa’ sa l-aħħar jimbotta dawn il-messaġġ, kif titħabbar il-mewt tiegħu naraw lill-istess politiċi li hu ġieli anke kellu messaġġi iebsa lejhom, jagħmlu dikjarazzjonijiet fuq kemm kien bniedem pożittiv. Kemm kien iħobb lill-batut. Kemm kellu għal qalbu lill-vulnerabbli.

Dikjarazzjonijiet minn dawn il-politiċi li jħassbu. Il-mistoqsija toħroġ waħedha. Għaliex lil Franġisku ħadd ma semgħu. Għaliex id-dikjarazzjonijiet tiegħu ġew injorati. Minn waħda daħal u minn l-oħra ħareġ. Fuq kollox għaliex sar il-kontra ta’ dak li kien qed jgħid hu. It-tweġiba għal dan jistgħu ituha biss dawn l-istess politiċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport