Sunday, December 22, 2024

L-INDUSTRIJA TAL-FILMS … TIMPJEGA U MHUX TBERBAQ IL-FLUS

Aqra wkoll

Il-Partit Nazzjonalista tal-lum sfortunatament għad-demokrazija huwa iktar mehdi li joħloq kontroversji fittizji milli jesponi u jespandi fuq il-viżjoni, jekk għandu, għal kif imexxi l-pajjiż jekk ikun fil-gvern. Dan għaliex id-demokrazija titlob li gvern alternattiv irid ikun imħejji bi proposti konkreti u fattibbli għall-ġid komuni.

L-aħħar kontroversja li nħolqot kienet dwar l-introjtu għall-pajjiż mill-industrija tal-films li f’dawn l-aħħar snin kibret mhux ħażin. Dan jirrifletti fl-ammont ta’ produzzjonijiet li nħadmu f’Malta f’dawn l-aħħar snin fosthom blockbusters.

Kif jingħad, l-industrija tal-films qed tipprovdi l-impjieg u l-għajxien lil aktar minn 1,300 persuna, dan apparti s-servizzi anċillari li jingħataw minn setturi oħra tal-ekonomija. Għalhekk nemmnu li kienet inġusta l-kritika li saret, anke f’ċertu sezzjonijiet tal-midja, dwar l-iskema ta’ rifużjoni li jingħataw għall-produzzjonijiet.

Din l-iskema ma titħaddimx kif ġie ġie, imma r-rifużjoni tingħata wara proċess ta’ awditjar rigoruż tal-infiq li l-kumpaniji jkunu għamlu waqt il-produzzjonijiet tagħhom. Huwa fatt li r-rifużjoni jridu jkunu eleġibbli għaliha fuq flus minfuqa f’Malta. Jiġifieri jingħataw 40% lura fuq dak li jkunu eleġibbli għalih.

Dan jifqa’ l-bużżieqa li l-pajjiż qed jitlef jew iberbaq il-flus il-poplu f’din l-industrija. Għaliex jekk tingħata inkonsiderazzjoni kif qed titħaddem l-iskema, il-pajjiż xorta se jkun daħħal il-flus.

Infakkru wkoll li din l-industrija hemm għadd ta’ ħaddiema li qed jieħdu l-paga minnha, apparti wkoll li din tista’ tkun ta’ mezz fejn jiġu żviluppati karrieri fl-industrija tal-films. Għalhekk nemmnu li din l-industrija jixirqilha investiment u mhux kritika li tista’ tpoġġiha f’dawl ikrah jew saħansitra ttellef l-impjiegi tal-ħaddiema billi ttellef il-miġja ta’ produzzjonijiet internazzjonali.

Tajjeb hawn li nfakkru li sas-sena 2018 l-industrija tal-films f’Malta kienet meqjusa industrija tal-part-time, filwaqt li llum din l-industrija kibret u qed tħaddem ‘l fuq min 900 persuna full-time.

Ekonomija

Sport