Monday, December 23, 2024

L-INFLAZZJONI F’MALTA TKOMPLI TONQOS…

Aqra wkoll

L-effetti pożittivi tal-miżuri meħuda mill-Gvern, b’mod partikolari l-iskema Stabbilità u r-roħs fil-prezzijiet tal-ikel, jidher li qegħdin iħallu r-riżultati mixtieqa. Tant hu hekk, li l-aħħar statistika tal-NSO turi li kompliet tonqos ir-rata annwali tal-inflazzjoni skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) tal-Unjoni Ewropea, biex f’Marzu li għadda din kienet fil-livell ta’ 2.7%.

Dan kien ukoll it-tieni xahar konsekuttiv fejn kienet irreġistrata tnaqqis fir-rata tal-għoli tal-ħajja. Dawn ix-xejriet pożittivi jekk jibqgħu sejrin kif inhuma se jkomplu joffru serħan il-moħħ lill-familji Maltin billi jkunu jistgħu jippjanaw l-infiq u l-konsum tagħhom.

Ma’ dan għalkemm l-inflazzjoni qatt ma tista’ tiġi eliminata għalkollox, għandna għax nifhmu li l-Gvern għandu l-ħsieb li jintroduċi miżuri oħra intenzjonati li jkomplu jġibu l-istabbiltà f’dak li huma prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali. Minn dan, l-aktar li jgawdu huma dawk bi dħul baxx kif ukoll dawk li jinsabu fl-inqas faxex tas-soċjetà.

Kien għalhekk li l-Gvern daħal f’arranġamenti ma’ negozji fosthom ħwienet tal-merċa u sidien ta’ supermarkets li flimkien wasslu għal roħs ta’ mhux inqas minn 450 prodott fi 15-il kategorija differenti. Ma’ dawn, din il-miżura wasslet ukoll biex tikber il-kompetizzjoni li magħha ġġib roħs fil-prezzijiet.

Is-suċċess ta’ dawn il-miżuri qed jiġu rikonoxxuti minn aġenziji ta’ kreditu ta’ fama internazzjonali li lkoll qed jattribwixxu dan għal mudell ekonomiku li adotta pajjiżna f’dawn l-aħħar snin. Jidher li minn data dwar l-HICP, din ix-xejra ta’ tnaqqis ta’ inflazzjoni mistennija li tissokta fix-xhur li ġejjin anke f’pajjiżna.

Dan iġib fix-xejn il-kritika tal-Partit Nazzjonalista meta jgħid li l-għoli tal-ħajja hija pjaga wiesgħa li qed tolqot ħażin ferm lill-familji Maltin irrispettivament mid-dħul tagħhom.

Biex titrażżan l-għoli tal-ħajja, il-Gvern qed joħroġ miljun ewro kuljum f’sussidji tal-fjuwils, l-enerġija, qmugħ u ċereali. Kieku l-Gvern ma għamilx hekk, kieku l-inflazzjoni f’pajjiżna laħqet livelli allarmanti li bħalhom qatt ma konna rajna qabel.

Irridu nirrikonoxxu illi pajjiżna minħabba ċ-ċokon tiegħu u n-nuqqas ta’ riżorsi naturali, ħafna minn dak li nikkonsmaw jiġi minn barra. U f’dan il-kuntest, il-gvern ftit li xejn jista’ jagħmel biex il-prezzijiet ma jogħlewx ħlief li jerfa’ l-piż huwa stess u jtaffih kemm jista’ jkun minn fuq il-familji Maltin. Dan huwa wkoll frott il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna bħalissa.

Ekonomija

Sport